Jiena u Arnold Cassola dalgħodu iltqajna mas-Sindku u uħud mill-kunsilliera tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Iddiskutejna kif il-komunita ta’ Birżebbuġa hi effettwata mill-Port Ħieles u mill-ajruplani li jinżlu lejn l-ajruport tal-Gudja minn fuq Birżebbuġa.
Alternattiva Demokratika tappoġġa lill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa huwa u jfittex soluzzjoni għal dawn l-impatti.
L-ewwel nett ngħid li kemm l-ajruport kif ukoll il-Port Ħieles huma essenzjali għall-ekonomija Maltija. Imma dan ma jfissirx illi għax dawn iż-żewġ entitajiet jiġġeneraw ix-xogħol allura nistgħu bħala pajjiż nagħlqu għajnejna għall-impatti li jiġġeneraw. Irrid ngħid li bi ftit ħsieb l-impatti fuq ir-residenti jistgħu jiġu mitigati.
Ser nillimita ruħi għall-ħsejjes ġenerati (acoustic pollution).
Il-Port Ħieles jiġġenera bosta ħsejjes kemm bin-nhar kif ukoll bil-lejl. L-inżul ta’ l-ajruplani minn fuq Bengħajsa għal fuq iż-żona residenzjali Tal-Papa ukoll jiġġenra ħafna ħsejjes minħabba li l-ajruplan ikun viċin li jmiss l-art. Tant ikun viċin li mill-art ikun possibli li jinqara n-numru ta’ registrazzjoni tiegħu !
Irrid ngħid li matul dan l-aħħar żmien kien hemm żvilupp posittiv mid-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili u dan billi fin-Noise Abatement Procedures tiegħu ifittex illi matul is-siegħat ta’ bil-lejl (11pm sas-6am) kull meta jkun possibli ma jawtorizzax li ajruplani jgħaddu minn fuq Birżebbuġa. Jiena infurmat li l-unika eċċezzjonijiet iseħħu meta l-qawwa u/jew d-direzzjoni tar-riħ ma jippermettux l-użu ta’ rota alternattiva.
Huwa neċessarju li l-ħsejjes li niġġeneraw ikunu regolati. Il-Gvern diġa għamel pass żgħir il-quddiem meta permezz ta’ avviż legali ppubblika regolamenti dwar is-siti ta’ kostruzzjoni li fihom fost oħrajn illimita l-ħoss massimu li jista’ jkun ġġenerat sa kilometru l-bogħod minn post residenzjali.
Jeħtieġ li nimxu iktar il-quddiem u nassiguraw li l-ħsejjes li niġġeneraw jonqsu għall-ġid ta’ kulħadd.
Bħala l-ewwel pass hemm id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea (Direttiva 2002/49 tal-25 ta’ Ġunju 2002) intitolata Directive on the Assessment and Management of Environmental Noise. Il-Gvern Malti waqa’ tlett snin u nofs lura u fil-fatt jidher li għadu ma bediex jimplimenta din id-Direttiva.
Għalhekk f’isem Alternattiva Demokratika fil-MEUSAC (Malta-EU Steering and Action Committee) jiena tlabt li l-Gvern jispjega kif fi ħsiebu jġib il-ħin li tilef u kif ser jimplimenta din id-Direttiva.
Meta l-Gvern jiċċaqlaq inkunu nistgħu nibdew noqorbu lejn tnaqqis tal-ħsejjes li qed idejqu lil kulħadd.
Thank you for all you are doing regarding this area. Helen