Villa Barbaro f’Ħal-Tarxien hi waħda mill-eqdem binjiet f’Malta. Partijiet minnha ilhom li nbnew mill-1530 – jiġifieri jiftakru l-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Ir-ritratt ta’ hawn fuq, meħud minn ġol-villa stess juri kif il-bini madwar din il-villa qed jogħla b’mod li l-protezzjoni tal-binja tinħass dgħajfa. Għax m’huwiex biżżejjed illi tkun protetta l-binja nnifisha biss (kif ilha protetta sa mill-1996) iżda huwa meħtieġ li fejn jidħol il-bini storiku jkun protett ukoll l-ispazju tal-madwar.
Dan insejħulu buffer zone : jiġifieri dak l-ispazju madwar Villa Barbaro li fih għandu jkun regolat x’tip ta’ żvilupp jista’ jsir u dan biex ma ssirx ħsara. Il-buffer zone għandu jkun wieħed li fih il-bini ma jogħliex ħafna il-fuq u dan biex viżwalment tkun protetta u ppriservata d-dehra ta’ dan il-monument storiku.
Idealment dan kellu jsir waqt il-proċess tal-formulazzjoni tal-Pjan Lokali iżda dakinnhar ħadd ma mpurtah!
L-istess kien ġara fil-każ ta’ Villa Bologna f’Ħ’Attard kif ukoll fil-każ tat-Torri ta’ Gourgion f’Ħal-Lija : għall-bidu dawn ukoll ġew injorati, iżda wara ħafna taħbit illum is-sitwazzjoni tjiebet u t-tnejn igawdu protezzjoni aħjar.
Issa waslet is-siegħa ta’ Villa Barbaro f’Ħal-Tarxien.