Il-bidla tal-klima u l-ħolqien tax-xogħol: x’relazzjoni?

illum 

 minn Carmel Cacopardo

ippubblikat 30 ta’ Novembru 2008

Dan kien is-sustanza tal-indirizz tal-kelliem fis-seminar organizzat mill-UĦM nhar il-25 ta’ Novembru 2008

_________________________________________________________________________________________

 

Kull union tagħti prijorità lill-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-membri tagħha. Union ġenerali bħall-UĦM għandha l-possibiltà u r-riżorsi li tifrex il-ħarsa tagħha b’mod iktar wiesa’.
Il-Unions kienu fost tal-ewwel li fehmu u ħadmu biex ħaddieħor jifhem illi l-politika ekonomika ma tistax tħares biss lejn il-profitt materjali iżda trid kontinwament tiffoka fuq l-impatti soċjali.
Illum diversi qed jirrealizzaw li aħna ma ngħixux f’ekonomija. Ngħixu f’eko-sistema. Ma nillimitawx rwieħna iżjed għall-effett fuq il-bniedem iżda nikkunsidraw ukoll il-flora u l-fawna tal-viċin u tal-bogħod.
Meta nagħmlu hekk inkunu qed nassiguraw li nħarsu lil hinn minn imneħirna. B’hekk inkunu qed nassiguraw li filwaqt li aħna illum kellna l-opportunità li nieħdu d-deċiżjonijiet meħieġa għall-progress fi żmienna fl-istess ħin inħallu l-possibilità li dawk li għadhom ma twildux meta jiġi l-waqt ikunu huma wkoll jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom. Dan hu l-bażi ta’ politika dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-pedament ta’ ekonomija ġdida, ekonomija ekoloġika.
Il-politika dwar il-klima nipproponi li nħarsu lejha b’dan il-mod.
Illum hawn preokkupazzjoni dwar il-bdil fil-klima. Din il-preokkupazzjoni hi mnissla mill-fatt li l-bidla fil-klima qed tinħass u l-effetti tagħha qed jidhru. Sakemm dawn l-effetti bdew jidhru ftit kienu dawk li taw kaz: imma l-ħsara diġà kienet hemm.
Dak li l-effett tiegħu jmur lil hinn minn leġislatura Parlamentari – f’kull rokna tad-dinja – dejjem tħalla għal “iktar tard”. Issa l-“iktar tard” wasal.
Il-klima qed tinbidel u għandha effetti kbar fuqna u madwarna.
It-temperatura li qed togħla nieħdu pjaċir biha fix-xhur xitwin imma fis-sajf iddejjaqna u per konsegwenza nixgħelu iktar kmieni u għal perjodi itwal l-air conditioner.
Fil-heat waves li qed ikollna fis-sjuf qed jiżdiedu l-imwiet ta’ anzjani li ma jifilħux għas-sħana żejda, filwaqt li bit-temperatura togħla fix-xitwa b’mod partikolari f’pajjiżi ferm iksaħ minn tagħna, qed jonqsu l-imwiet kawża tal-kesħa fix-xitwa. Imma b’temperatura li togħla iktar nistgħu nkunu f’pożizzjoni li mard li jinġarr minn insetti li ma għixux fit-temperaturi li kellna s’issa jistgħu jfeġġu fiċ-ċirkustanzi l-ġodda li qed jiżviluppaw.
In-natura, kemm il-flora kif ukoll il-fauna, bit-temperatura togħla qed titħawwad ftit. Għax tifhem li nbidel l-istaġun u l-bidla tat-temperatura jibda proċess tal-istaġun li jkun imiss.
L-intensità tax-xita nassoċjawha mal-għargħar f’B’Kara u l-Imsida jew mat-tappieri tad-drenaġġ ifuru f’diversi partijiet ta’ Malta. Forsi m’aħniex konxji li xita qawwija tkaxkar il-ħamrija mill-għelieqi tagħna.
In-nuqqas tax-xita mhux biss tnixxef l-għelieqi imma tnaqqas r-rata li biha l-ilma tal-pjan ikun sostitwit bl-ilma tax-xita li jipperkola mill-blat. Flimkien mal-użu dejjem jiżdied tal-ilma tal-pjan in-nuqqas ta’ xita qed iżid id-dipendenza tal-pajjiż fuq sorsi mhux naturali għall-ilma meħtieġ għall-konsum b’mod li illum niddependu għal 60% tal-ilma mir-Reverse Osmosis.
Is-silġ qed idub għax it-temperatura medja globali qed togħla u per konsegwenza l-livell tal-baħar qiegħed jogħla.
Filwaqt li dan mhux se jiġri għada jista’ jibda joqrob lejn tmiem is-seklu li qegħdin fih.
Is-silġ fl-Artiku qed jonqos u nafu ukoll li jekk iddub dik li hi magħrufa bħala l-Greenland Ice Cap il-volum ta’ ilma ġenerat iservi biex jgħolli l-livell tal-baħar b’7 metri. Dan ikkawżat mill-gassijiet serra (greenhouse gases) li jirriżultaw mill-ħidma umana. Il-kontribut tagħna bħala Malta ġej prinċipalment mill-enerġija u t-trasport u f’miżura inqas mill-iskart u mill-agrikultura.
It-tnaqqis tal-kontribut tagħna bħala pajjiż lejn il-bidla fil-klima għaldaqstant irid jindirizza prinċipalment il-ġenerazzjoni tal-enerġija u t-trasport.
Fil-qasam tal-enerġija alternattiva filwaqt li ma nistax ngħid li ma sar xejn, nista’ iżda ngħid li dak li sar sar tard u bil-mod. Għalkemm ġie determinat sit potenzjali għall-istallazzjoni ta’ turbini tar-riħ għadu kmieni biex nistgħu ngħidu li dak hu s-sit. Meta jkun tlesta l-eżami tal-impatti ambjentali nkunu nistgħu nitkellmu aħjar fuq is-sit tas-Sikka l-Bajda.
Dwar siti fuq l-art nifhem li mhux faċli. Bejn li ħadd ma jridhom wara biebu prinċipalment minħabba l-ħsejjes li jiġġeneraw u bejn problemi ta’ estetika. S’issa iżda ma jidhirx li saru sforzi biex jinstabu siti adatti fuq l-art.
Fir-raba’ tagħna l-bdiewa użaw irdieden tar-riħ biex itellgħu l-ilma. Is-siti ta’ dawn l-irdieden tar-riħ huma magħżula bir-reqqa minn missirijietna. Dawn is-siti, li jgħoddu bil-mijiet, kollha għandhom il-potenzjal li jintużaw biex ikunu istallati turbini ta’ daqs medju.
Fiż-żoni industrijali hemm ukoll il-possibbiltà ta’ stallazzjoni ta’ turbini tar-riħ, tal-inqas f’dawk il-partijiet li huma ’l bogħod mill-abitat.
Dwar l-enerġija ġġenerata mix-xemx sar ftit wisq. L-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Gvern fl-aħħar baġit għalkemm hi ġeneruża hi ftit wisq biex tagħmel differenza. Minbarra dan l-applikabbiltà tagħha hi limitata għal min għandu l-mezzi biex joħroġ parti mill-kapital rikjest.
Kien ikun iktar floku kieku kienet ikkunsidrata skema fejn l-ispejjeż tal-istallazzjoni jkunu jistgħu jitħallsu permezz tal-elettriku ġġenerat.
F’dan il-kuntest l-eżempju li l-Gvern qiegħed jagħti permezz ta’ skejjel bħal San Benedittu fejn ġew istallati pannelli fotovoltajċi għandu jkun estiż għall-bini pubbliku kollu fuq medda ta’snin. Dan jinvolvi spiża kapitali mhux żgħira imma fi ftit żmien din hi spiża li tista’ tkun irkuprata, b’mod partikolari issa li r-rati tal-elettriku sparaw ’il fuq.
Fil-mixja lejn ekonomija ekoloġika, qed jinħolqu (u jistgħu jinħolqu bosta iktar) impiegi illi jikkontribwixxu biex tkun ippreservata l-kwalità ambjentali u fejn neċessarju din tkun restawrata. Dan jinkludi impjiegi konnessi mal-ħarsien tal-eko-sistemi u l-biodiversità, impjiegi konnessi mat-tnaqqis fil-ħela ta’ enerġija elettrika, tal-ilma u riżorsi oħra, tnaqqis fl-użu tal-carbon mill-ekonomija (decarbonisation), tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart u tniġġis ta’ kull forma.

Dan se jfisser:
1. li jistgħu jinħolqu impjiegi ġodda fil-manufattura ta’ apparat li jnaqqas it-tniġġis,
2. xi impiegi ser jiċċaqalqu minn xogħol li qed isir illum għal xogħol ġdid li qed jinħoloq bħal fil-qasam tal-iskart jew fil-qasam tal-ġenerazzjoni tal-enerġija alternattiva flok dik tradizzjonali,
3. xi impiegi ser jintilfu u dan in konnessjoni ma’ attività li tista’ tkun eliminata jew imnaqqsa,
4. impiegi oħra ser ikunu żviluppati u trasformati biex jieħdu konsiderazzjoni ta’ realtajiet ġodda.

Dawn l-impiegi jikkonċernaw
1. il-ħtiġijiet tekniċi konċernati l-ġenerazzjoni ta’ enerġija alternattiva,
2. il-miżuri meħtieġa biex tiżdied l-effiċjenza tal-bini fl-użu tal-enerġija,
3. xogħol speċjalizzat konċernanti t-trasport, kemm dak għall-użu privat kif ukoll dak għall-użu tal-pubbliku,
4. l-industrija tar-riċiklar,
5. l-industrija tal-iskart,
6. is-servizzi ambjentali,
7. l-agrikultura in partikolari fit-transizzjoni lejn agrikultura organika.

It-triq hi twila u iebsa. Hemm problemi diversi konnessi mal-fatt li bdejna tard fit-triq lejn ekonomija li tirrispetta l-ambjent. Hemm ukoll il-problema li l-Gvern mhux dejjem konvint minn dak li qiegħed jagħmel.
Imma nemmen li l-kuxjenza nazzjonali li qed tifforma ser tgħin u tkun ta’ sostenn kbir biex din it-triq nibqgħu mexjin fiha bħala pajjiż.
F’din il-mixja l-unions għandhom rwol kbir. Mhux biss ta’ edukazzjoni tal-membri bħall-attività tal-lum. Imma fuq kollox li jassiguraw li l-partiti politiċi kollha jibqgħu mexjin f’din it-triq.