Il-MEPA estendiet il-protezzjoni ta’ Ta’ Ċenċ. Dan hu pass tajjeb il-quddiem fil-ħarsien ambjentali li għandu ħtieġa tiegħu pajjiżna.
Imma jkun floku li niftakru li dan sar wara snin ta’ protesti u oġġezzjonijiet għall-iżvilupp propost fl-inħawi. Ġew dedikati mijiet ta’ siegħat f’laqgħat u protesti minn bosta, fosthom Alternattiva Demokratika u l-parti l-kbira tal-NGOs. Fl-aħħar, il-Gvern permezz tal-MEPA baxxa rasu. Għal snin sħaħ iżda irresista dan il-pass.
Tafu x’kienet id-differenza ?
Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea għamlet id-differenza kollha : huwa biss bħala riżultat tal-isħubija ta’ Malta fl-EU li l-Gvern permezz tal-MEPA ġie f’sessieh.
Kien hemm diversi attentati sa l-aħħar mumenti biex ikun hemm resistenza istituzzjonali għal dan il-pass. Fosthom iż-żjara (rappurtata fil-gazzetti) mill-iżviluppatur akkumpanjat (skond il-gazzetti) minn uffiċjali pubbliċi go Brussel. Kien hemm ukoll xi laqgħat li saru bil-kwiet biex titrattab l-opposizzjoni għall-proposti ta’ żvilupp ta’ Ta’ Ċenċ.
Imma fortunatament is-sħubija fl-EU bdiet tagħti l-frott għall-ħarsien tal-ambjent. Li kieku 4 snin ilu Malta ma ssieħbitx fl-Unjoni Ewropea jien konvint li Ta’ Ċenċ diġa ilu kkundannat għall-kostruzzjoni.
Issa wara Ta’ Ċenċ imiss Ħondoq ir-Rummien li ukoll jeħtieġ li jkun imħares minn ħalq l-ispekulaturi.
Nistennew u naraw.