Kien ta’ sodisfazzjoni li naqra illum li l-Awtorita dwar ir-Riżorsi qed tħejji strateġija dwar l-ilma. Għalkemm damet ftit biex tistenbaħ għar-realta’ ta’ min jiehu pjaċir li fl-aħħar bdiet tiċċaqlaq.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-bieraħ li kienet indirizzata mill-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarjiet Rurali kien imħabbar li qed tiġi mħejjija din l-istrateġija. Tħabbar ukoll illi permezz ta’ żewġ avviżi legali beda jseħħ pjan għall-ħarsien tal-ilma tal-pjan (ground water). Dan billi matul it-tnax-il xahar li ġejjin mhux ser ikun possibli li jitħaffru boreholes ġodda.
L-istrateġija dwar l-ilma f’pajjiżna trid tħares fil-fond lejn is-sorsi kollha tal-ilma fil-pajjiż.
L-ilma tal-pjan huwa wieħed minnhom u l-Gvern għamel pass tajjeb li beda l-proċess li għandu jwassal għall-protezzjoni tiegħu. Daqstant ieħor iżda hemm ħtieġa illi nqiesu sewwa l-ilma tax-xita (storm water). F’dan il-kuntest mingħajr iktar dewmien il-Gvern għandu l-obbligu li jidentifika għaliex hawn ħafna binjiet residenzjali li m’humex pprovduti b’bir kif suppost skond il-liġi. Il-konsegwenza ta’ dan huwa li ħafna ilma tax-xita qed jinħela, jiġri fit-toroq jew agħar minn hekk mixħut fid-drenaġġ. Din hi r-raġuni li f’diversi partijiet ta’ Malta jfur id-drenaġġ meta tagħmel xita qawwija.
Dan m’huwiex biss ħela ta’ ilma, iżda ukoll sors ta’ mard kif ukoll piż żejjed fuq l-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ. Dan huwa ilma li nistgħu nużawh aħjar u l-istrateġija trid tqis dan fil-fond u tħejji pjan ta’ ażżjoni xieraq.
Sors ieħor ta’ ilma huwa dak li jiġi imsaffi mill-impjanti tad-drenaġġ li s’issa minnhom għandna tnejn u minn hawn u ftit iehor ikollna t-tielet wieħed. Pajjiżi oħra bħal Singapore bdew t-twettieq ta’ pjan li għandu jwassal biex dan is-sors ta’ ilma jkun jista’ jintuża ukoll għax-xorb. F’Malta dan l-ilma qed jintrema l-baħar !
Dan (il-qasam tal-ħarsien tal-ilma) huwa qasam li fih għadna lura ħafna bħala pajjiż. Li titħejja l-istrateġija huwa pass tajjeb. Imma minn hemm irridu ngħaddu biex din l-istrateġija tkun tista’ titwettaq u dan fil-futur qarib.