Il-bomba li sploda Austin Gatt dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma ilha ġejja. Ilha tinħema.
Il-problema ma nħolqitx issa, iżda ilha teżisti. Il-Gvern permezz tas-surcharge u s-sussidji lill-Enemalta u l-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma stenna sakemm għaddiet l-elezzjoni. Dan biex jevita reazzjoni tan-nies u tal-industrija li inevitabilment kien ikun tradott f’voti.
Kif qal tajjeb Lino Spiteri fit-Times illum id-dikjarazzjoni ta’ Austin Gatt kienet żball ekonomiku u politika. Il-Gvern permezz ta’ Austin Gatt u bil-parteċipazzjoni tal-konsulenti mill-KPMG għamel prinċipalment ezerċizzju tal-calculator – kif kien għamel il-Gvern ta’ Alfred Sant fl-1997 : u li bħala riżultat kien ħaffef il-waqa’ tiegħu.
X’inhu meħtieġ ?
L-ewwel nett li wara li ġie kwantifikat l-impatt ekonomiku, jiġi determinat ukoll l-impatt soċjali. S’issa ma jirriżultax illi dan ġie eżaminat. Huwa neċessarju li dan ikun eżaminat, għax l-aċċess għall-enerġija u l-ilma huwa meħtieġ biex il-kwalita’ tal-ħajja tagħna ilkoll tkun waħda diċenti. Irid allura jiġi stabilit x’inhu l-aċċess minimu neċessarju għall-elettriku u ilma għal kull tip ta’ familja fil-pajjiż.
Mhux biss. Imma huwa ukoll neċessarju li jkunu stabiliti mekkaniżmi biex ma jkunx hemm abbużi minn dan l-aċċess minimu garantit.
Sal-lum il-politika tal-prezzijiet tad-dawl u l-ilma dejjem hekk kienet f’dan il-pajjiż. Dejjem kien hemm rati differenti dipendenti mill-konsum : rati baxxi għall-konsum baxx. Rati għola għall-konsum għola.
Fuq dan il-bażi għandu jkun possibli li jinħoloq kunsens nazzjonali. Il-piż għandu jinġarr minn min jikkonsma ħafna.