Alternattiva Demokratika illum għaddiet lill-Ispeaker l-Onor Louis Galea il-proposti tagħha għal riforma elettorali .
Bejn l-1987 u l-2007 saru bosta tibdiliet fil-liġijiet elettorali.
L-ewwel li min jikseb maġġoranza ta’ aktar minn 50% tal-voti jiggverna. Iktar tard saru emendi li jassiguraw proporzjonalita’ bejn il-voti miksuba u l-membri parlamentari li jiġu eletti f’isem il-partiti politiċi.
Il-posizzjoni attwali hi li l-proporzjonalita’ bejn voti miksuba u n-numru ta’ membri parlamentari eletti f’isem partit politiku hi assigurata biss f’żewġ ċirkustanzi :
a) meta partit politiku jikseb iktar minn 50% tal-voti u
b) meta jkun hemm żewġ partiti politiċi biss fil-parlament.
Alternattiva Demokratika qed tipproponi li l-propozjonalita’ ma tkunx privileġġ għall-kbar iżda dritt ta’ kulħadd.
Is-sistema elettorali għandha tinbidel b’tali mod illi jekk Partit Politiku fl-ewwel għadd jikseb mhux inqas minn 2.5% tal-voti mitfugħa għandu jkollu dritt ta’ rapprezentanza parlamentari.
2.5% ifisser madwar żewġ kwoti fuq livell nazzjonali, jew 8,000 vot. Dan ifisser bil-proposta ta’ Alternattiva Demokratika illi jekk partit jikseb mhux inqas minn total ta’ 8,000 vot fuq id-distretti kollha flimkien ikollu dritt ta’ rappresentanza parlamentari. Fil-fehma ta’ AD b’hekk jinkiseb bilanċ bejn il-governabilita’ u l-vot popolari.
Il-proporzjonalita b’hekk ma tkunx xi privileġġ tal-partiti l-kbar iżda dritt ta’ kulħadd skond regoli ċari.
Issa nistennew u naraw kif il-Kumitat Magħżul tal-Kamra ser jiżviluppa id-diskussjoni.