Il-qawsalla skond Varist

 

 

Fl-Orizzont illum Evarist Bartolo, Membru Parlamentari Laburista kiteb artiklu intitolat Ħomor u ħodor … iżjed mill-blù!

 

Ma jgħid xejn ġdid iżda jagħmel riflessjoni ftit negattiva : jara l-ħomor u l-ħodor bħala alleati inevitabbli minħabba konverġenza ta’ ħsieb fuq materji bħall-ġustizzja soċjali, żvilupp ekonomiku, l-ħarsien ambjentali u l-libertajiet ċivili. Dan jiddikjarah fil-kuntest ta’ għan dikjarat li l-PN ma jkunx fil-Gvern.

 

Huwa dibattibbli jekk hux veru jew le li hemm konverġenza ta’ ħsieb. Għax huwa biss issa li l-MLP qed jitkellem fuq issues li ilhom snin esklussivament fuq l-aġenda politika ta’ Alternattiva Demokratika. L-MLP għal snin sħaħ ipprefera li joqgħod ħalqu magħluq għax beża li jitlef il-voti. U issa qed jiftah ftit ħalqu bit-tama li jappella għal dawk li jivvutaw AD. Kwistjoni ta’ konvenjenza pura, u xejn iktar.

 

Varist ma jitkellimx fuq materji importanti. Per eżempju ma jgħid xejn dwar il-fatt li l-Partit Laburista qabel mas-sistema elettorali preżenti sakemm ħaseb li jista’ jiggwadanja minna hu ! L-emendi kostituzzjonali ta’ qabel l-aħħar elezzjoni li bihom ġiet iggarantita l-proporzjonalita stretta liż-żewġ partiti (PN u MLP) u injorat lill-bqija saret bil-kunsens unanimu tal-MLP, inkluż bil-vot ta’ Varist fil-Parlament. Jiġifieri s-sistema elettorali preżenti m’hiex responsabbilta’ unika tal-PN iżda miegħu għandu l-MLP kompliċi fil-beraħ.

 

Għax minkejja dak li jgħid Varist l-MLP bħal PN jemmen f’sistema bi-polari. Jiġifieri sistema li tħalli spazju għal żewġ partiti biss. Għalhekk qed jirreferi meta jgħid “nemmen li jiena leħen fid-deżert”.

 

X’tiswa proposta ta’ alleanza programmatika meta din tiġi minn ħdan partit li kontinwament bil-mod kif jaħdem jippreżenta ruħu bħala l-uniku leħen alternattiv : jew miegħu jew kontrieh ?

 

Fl-elezzjonijiet għall-Parlament  Ewropew ta’ 4 snin ilu Alternattiva Demokratika kisbet 23,000 vot u fl-aħħar elezzjoni ġenerali ftit iktar minn 3,800 vot. Dawn huma kollha voti li jirrikonoxxu li AD għandha identita tagħha, differenti minn dik tal-Partiti l-oħra.

 

Jiġifieri l-ewwel pass li jridu jagħmlu l-partiti l-oħra huwa li jirrikonoxxu dan u ma jibqgħux għaddejjin b’politika li tbeżża’. Huwa inutli li nitkellmu fuq il-pluraliżmu jekk fejn l-iktar meħtieġ, jiġifieri fil-Parlament, l-MLP u l-PN jibqgħu jagħmlu minn kollox biex joħonquħ.