Tat-Turiżmu b’liġi għalihom !

 

 

 

Fi tmiem il-ġimgħa  ġie rappurtat fil-gazzetti dak li qal fil-Qorti iċ-Ċhairman tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu (MTA).

 

L-MTA trid, qal Sam Mifsud illi ż-żid il-faċilitajiet tad-divertiment fit-tramuntana tal-pajjiż u għal dan l-iskop għandha politika li tiżviluppa l-kosta.

 

U għalina, n-nies il-komuni x’ser jibqa’ ? It-turiżmu ma ħax biżżejjed mill-kosta ? U mbagħad ma jaħsibx is-Sur Mifsud li qabel ma jibda jfajjar illi jkun aħjar li jara li dak li jgħid jaqbel mal-politika ambjentali tal-pajjiż – dik il-politika jiġifieri li Malta kella taddotta biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea ?

 

Għax meta tisma’ lil tat-Turiżmu jitkellmu taħseb li dawn għandhom liġi għalihom. Ħarsu per eżempju lejn il-każ tal-Mistra (ta’ l-art ta’ Jeffrey Pullicino Orlando, jiġifieri). L-MTA  qed tgħid li taqbel mal-iżvilupp propost. Qiesu id-Direttiva tal-EU dwar il-Habitats ma tapplikax fejn jinteressa l-MTA. Skond din id-Direttiva niftakru illi f’art li hi protetta bħal dik tal-Mistra, fiha ma jista’ jsir l-ebda xogħol. L-anqas ma jista’ jintmiss ħajt tas-sejjieħ. Aħseb u ara dak li kien propost.

 

Tista’ l-MTA ikollha liġi għaliha ?

 

U bilħaqq, l-MTA tiftaħar li trid turiżmu sostenibbli !

 

Ma nagħti tort lil ħadd jekk wara dan kollu nikkonkludu li l-pajjiż ikun aħjar mingħajr l-Awtorita’ tat-Turiżmu !