Il-ħabib tiegħi Henrik Piski uffiċjal ta’ Alternattiva Demokratika, fuq il-blog tiegħu illum jikteb dwar il-pannelli fotovoltajċi użati biex jiġġeneraw l-elettriku f’kontribuzzjoni intitolata Local rip off .
Jispjega kif meta tħajjar jistalla dawn l-imberkin pannelli fid-dar tiegħu hawn Malta minħabba ż-żieda fil-prezz tal-elettriku sab li l-4 importaturi lokali kellhom bejn wieħed u ieħor prezzijiet identiċi kif ġej :
* għall-ġenerazzjoni ta’ 1 kw/hr : €8000, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1160)
* għall-ġenerazzjoni ta’ 1.5 kw/hr : €12000, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1740)
* għall-ġenerazzjoni ta’ 2 kw/hr : €14000, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1740).
Ma dawn l-ispejjes ikunu jridu jiżdiedu xi ħlasijiet oħrajn dwar travi meħtieġa biex fuqhom jistrieħu l-pannelli.
Apparti dan aqraw ukoll fil-blog ta’ Piski dwar il-kundizzjonijiet imposti mill-importaturi dwar depożitu esaġerat (50%), l-ebda rabta dwar meta l-pannelli jitwaħħlu kif ukoll l-ebda rabta dwar il-prezz. Jekk ikun hemm żieda minn barra, dan ikun piż addizzjonali għall-konsumatur.
Piski jgħid li b’dawn il-kundizzjonijiet ma ftiehemx iżda fittex li jinqeda direttament minn barra, mill-Ġermanja. Kien sorpriż li ngħata offerat bi prezzijiet ferm irħas kif ġej :
* għall-ġenerazzjoni ta’ 1 kw/hr : €4500, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1160)
* għall-ġenerazzjoni ta’ 1.5 kw/hr : €6500, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1740)
* għall-ġenerazzjoni ta’ 2 kw/hr : €9000, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1740).
Ma dan iridu jiżdiedu spejjes ta’ trasport kif ukoll (Piski ma jgħid xejn dwar dan) spejjes tal-istallazzjoni li fil-każ tal-aġenti Maltin huwa inkluż fil-prezz.
Id-differenza fil-prezzijiet hi esaġerata u fl-opinjoni tiegħi m’hiex ġustifikata.
Bi prezzijiet raġjonevoli ikun hawn iktar li jitħajru jistallaw il-pannelli fotovoltaċi.
Lil Piski ser nissuġġerilu li jmur għand l-awtoritajiet li xogħolhom hu li jipproteġu lill-konsumatur biex jistaqsihom x’inhuma jagħmlu. Jekk raqdux huma ukoll.
U bilħaqq. L-awtorita dwar ir-Riżorsi ma ndunatx b’dan?
Mhux qiegħed ngħid li għandu jkun hemm xi forma ta’ kontroll tal-prezzijiet imma hemm ħafna affarijiet oħra li jistgħu jsiru. Fosthom li biex tingħata l-għajnuna tal-Gvern irid ikun hemm prezzijiet raġjonevoli. Għax inkella ser nibqgħu li kull meta l-Gvern jagħti l-għajnuna flok ma jgawdiha l-konsumatur jispiċċa jitħaxxen il-but tan-negozjant.
In-negozjant għandu dritt jagħmel il-qliegħ tiegħu. Imma dan li qed nitkellmu dwaru mhux qliegħ, iżda kif jgħid Piski “Rip-off”. Jiġifieri serq bid-dawl tax-xemx !
Mr. Cacopardo u Mr. Piski,
Nixtieq daqsxejn aktar dettalji dwar kif wasaltu ghal dawk il-prezzijiet fuq prodotti germanizi.
Jekk jinkludux installazzjoni ccertifikata minn ‘warranted engineer’
Jekk jinkludux cables bejn il-moduli u l-elettronika
Jekk jinkludux sistema ta muntagg ta’ kwalita u approvata mill-manifatturi li tiflah ghall-forza tar-rih
Ghalkemm jista’ jkun li xi negozjanti maltin qed ikunu opportunisti, jista’ jkun ukoll li meta tikkalkula kollox (ghandi impressjoni li jista’ jkun hallejtu xi haga barra) il-prezz jigi xorta gholi. Tinsewx lil-fotovoltaika hija teknologija ghalja u huwa biss permezz ta’ ghajnuna mill-awtoritajiet li tista’ tiffjorixxi. Ghallinqas ghandu jkun hemm sussidju fuq l-energija rinnovabbli daqs kemm hemm fuq sorsi ohrajn (il-gvern johrog somom kbar ta’ flus biex jinbnew il-power stations)
Sahhiet u prosit tal-blog!!
Joseph
Jiena ghidt fil-blog li l-ispejjes tal-istallazzjoni m’humiex inkluzi minn Piski. Pero xorta wahda meta zzidhom il-prezz m’huwiex ser jirdoppja !