Il-ħabib tiegħi Henrik Piski uffiċjal ta’ Alternattiva Demokratika, fuq il-blog tiegħu illum jikteb dwar il-pannelli fotovoltajċi użati biex jiġġeneraw l-elettriku f’kontribuzzjoni intitolata Local rip off .
Jispjega kif meta tħajjar jistalla dawn l-imberkin pannelli fid-dar tiegħu hawn Malta minħabba ż-żieda fil-prezz tal-elettriku sab li l-4 importaturi lokali kellhom bejn wieħed u ieħor prezzijiet identiċi kif ġej :
* għall-ġenerazzjoni ta’ 1 kw/hr : €8000, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1160)
* għall-ġenerazzjoni ta’ 1.5 kw/hr : €12000, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1740)
* għall-ġenerazzjoni ta’ 2 kw/hr : €14000, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1740).
Ma dawn l-ispejjes ikunu jridu jiżdiedu xi ħlasijiet oħrajn dwar travi meħtieġa biex fuqhom jistrieħu l-pannelli.
Apparti dan aqraw ukoll fil-blog ta’ Piski dwar il-kundizzjonijiet imposti mill-importaturi dwar depożitu esaġerat (50%), l-ebda rabta dwar meta l-pannelli jitwaħħlu kif ukoll l-ebda rabta dwar il-prezz. Jekk ikun hemm żieda minn barra, dan ikun piż addizzjonali għall-konsumatur.
Piski jgħid li b’dawn il-kundizzjonijiet ma ftiehemx iżda fittex li jinqeda direttament minn barra, mill-Ġermanja. Kien sorpriż li ngħata offerat bi prezzijiet ferm irħas kif ġej :
* għall-ġenerazzjoni ta’ 1 kw/hr : €4500, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1160)
* għall-ġenerazzjoni ta’ 1.5 kw/hr : €6500, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1740)
* għall-ġenerazzjoni ta’ 2 kw/hr : €9000, li minnu jitnaqqas ir-rebate tal-Gvern (€1740).
Ma dan iridu jiżdiedu spejjes ta’ trasport kif ukoll (Piski ma jgħid xejn dwar dan) spejjes tal-istallazzjoni li fil-każ tal-aġenti Maltin huwa inkluż fil-prezz.
Id-differenza fil-prezzijiet hi esaġerata u fl-opinjoni tiegħi m’hiex ġustifikata.
Bi prezzijiet raġjonevoli ikun hawn iktar li jitħajru jistallaw il-pannelli fotovoltaċi.
Lil Piski ser nissuġġerilu li jmur għand l-awtoritajiet li xogħolhom hu li jipproteġu lill-konsumatur biex jistaqsihom x’inhuma jagħmlu. Jekk raqdux huma ukoll.
U bilħaqq. L-awtorita dwar ir-Riżorsi ma ndunatx b’dan?
Mhux qiegħed ngħid li għandu jkun hemm xi forma ta’ kontroll tal-prezzijiet imma hemm ħafna affarijiet oħra li jistgħu jsiru. Fosthom li biex tingħata l-għajnuna tal-Gvern irid ikun hemm prezzijiet raġjonevoli. Għax inkella ser nibqgħu li kull meta l-Gvern jagħti l-għajnuna flok ma jgawdiha l-konsumatur jispiċċa jitħaxxen il-but tan-negozjant.
In-negozjant għandu dritt jagħmel il-qliegħ tiegħu. Imma dan li qed nitkellmu dwaru mhux qliegħ, iżda kif jgħid Piski “Rip-off”. Jiġifieri serq bid-dawl tax-xemx !