It-Tarżna ….. il-fejn ?

 

Fil-ġranet li ġejjin bil-mod jinħema l-futur tat-Tarżna.

 

Il-Gvern iddeċieda (a bażi ta’ rapport li qed jgħid li għandu) kemm irid ikun in-numru ta’ ħaddiema li jkollha t-Tarżna biex tkun attraenti għal xerrej prospettiv. Minn 1,600 illum trid tinżel għal madwar 700 qal il-Ministru. Kif ir-rapport wasal għal din il-konklużjoni diffiċli tgħid sakemm ir-rapport ma jkunx pubbliku. Ħaġa li s’issa għad ma saritx.

 

Kif tista’ tasal għall-aħjar daqs ta’ labour force meħtieġa meta m’huwiex magħruf min hu interessat li jieħu t-Tarżna f’idejħ ?  Dan iwassal għal konklużjoni waħda : in-numru ta’ ċirka 700 ħaddiem huwa biss eżerċizzju indikattiv li fil-prattika ma jfisser xejn. Jiena qiegħed niskarta l-unika alternattiva li jibqa’, jiġifieri li n-numru 700 huwa indikat minn xi kumpanija jew kumpaniji li huma interessati fit-Tarżna.

 

Jekk allura in-numru ta’ 700 ħaddiem li għandu jkollha t-Tarżna huwa biss indikattiv ma jagħmilx sens illi f’dan l-istadju, meta għadu kmieni l-Gvern jasal għal konklużjonijiet . Safejn naf jien ħadd għadu ma jaf mhux biss min huma l-kumpaniji interessati, iżda ukoll xi pjanijiet għandhom għat-Tarżna. Is-snajja’ li għandhom bżonn huma magħrufa imma n-numru jddependi mix-xogħol u l-kwantita tiegħu li s-sidien il-ġodda ser iġibu.

 

Ilu magħruf żmien (minn qabel ma Malta issieħbet fl-Unjoni Ewropeja) illi wara l-31 ta’ Diċembru 2008 ma jistax ikun hemm iktar sussidji għat-Tarżna, tant li waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ta’ Marzu 2008 kienu ċari il-posizzjonijiet tal-partiti :

 

PN : kwiet u kliem mill-inqas ħlief li m’huwiex ser ikun hemm downsizing (ċjoe tnaqqis),

MLP : li jinnegozja perjodu transitorju ġdid mal-Unjoni Ewropea; dan ovvjament għax l-MLP dehrlu li l–Gvern immexxi mill-PN ma għamilx użu tajjeb mill-perjodu transitorju,

AD : l-Appeldore report tas-snin 90 huwa l-mudell li fuqu trid titfassal is-soluzzjoni għall-problema Tarżna u dan billi l-ħaddiema li ma jkunux meħtieġa għal xogħol fuq il-vapuri jinstabilhom xogħol alternattiv u produttiv.

 

Din hi s-sitwazzjoni illum. Is-soluzzjoni teżisti u ma tinvolvix spejjes ikbar milli l-Gvern qiegħed jipproġetta. Li hemm bżonn hu rieda tajba li sfortunatament mhux dejjem tidher li qegħda hemm.

 

 

Ħaġa waħda hi ċara : jekk il-problema ma tissolvix m’hu ser jirbaħ ħadd. Ser jitlef kulħadd. Jitlef il-pajjiż, jitilfu l-ħaddiema tat-Tarżna u titlef il-Union.

 

Iżda hu possibli li jirbaħ kulħadd madwar il-mejda. Dan jista’ jsir biss wara li jiġi mwarrab it-theddid u l-paroli vojt li qed jiġi sparat minn kull naħa.