Raqda Twila

 

 

 

impjant tar-riciklagg tad-drenagg 

 

 

 

Tħabbar li ġie iffirmat il-kuntratt biex jinbena l-impjant li bih ser jissaffa d-drenaġġ ħalli dan meta jintefa’ l-baħar ma jniġġisx. B’hekk Malta tkun qed tagħti kontribut lejn baħar Mediterran iktar nadif, kif ukoll tkun konformi mad-direttiva tal-EU li tistabilixxi l-minimu meħtieġ minn kull pajjiż dwar il-mod kif jittratta d-drenaġġ.

 

Din il-miżura hija magħrufa bħala “end of pipe solution”. Jiġifieri qed inżidu xi ħaġa mas-sistema bħal meta imwaħħlu “filter”.

 

Il-qasam tad-drenaġġ ma nistgħux bħala pajjiż nibqgħu nqiesuh biss bħal ilma maħmuġ li intuża u ma għandniex bżonnu iktar. F’pajjiż fejn għandna nuqqas kbir ta’ ilma, l-ilma tad-drenaġġ huwa wieħed mis-sorsi tal-ilma li ma nistgħux nitilfu iktar. Li l-ilma jissaffa huwa tajjeb. Iżda li dan l-ilma jintefa l-baħar wara li jissaffa huwa ħażin. Pajjiżi oħra jagħmlu użu minnu u jipproduċu ilma li huwa aħjar minn dak tal-vit.

 

Sadanittant aħna bħala pajjiż naħlu l-ftit riżorsi li għandna. Ilma tad-drenaġġ imsaffi mormi l-baħar. Ilma tal-pjan jittieħed b’xejn minn kull min għandu l-boreholes. L-ilma tax-xita fid-drenaġġ jew fit-toroq bla ma jinġabar.

 

Hemm bzonn li l-Awtorita’ dwar ir-Riżorsi tqum waħda mir-raqda li ilha fiha żmien u tara li l-ilma kollu li għandu l-pajjiż ikun użat sewwa. La jintrema u l-anqas jinsteraq.