L-importaturi tal-karozzi qed igorru għax naqsu l-ordnijiet. Dawn naqsu għax in-nies qed tittama li l-Gvern iraħħas il-prezz tal-karozzi. Kulħadd għandu għajnejh f’wiċċu u anke’ biss mir-riklami fuq it-televison taljan malajr tinduna li l-karozzi f’Malta mhux irħas.
Qed jingħad (u x’aktarx li huwa veru) li hu fid-Danimarka biss li t-taxxa fuq il-karozzi hi għola minn Malta.
Il-posizzjoni hi waħda sempliċi ħafna. Il-Gvern kien kostrett iħabbar li ser jobdi lill-EU u għaldaqstant iddikjara iktar kmieni din is-sena illi ser jirrevedi t-taxxa tar-reġistrazzjoni fuq il-karozzi billi b’mod partikolari jindirizza l-kwistjoni tal-VAT (l-EU ddikjarat li ma tistax titħallas taxxa fuq taxxa) u tad-diskriminazzjoni fl-applikazzjoni tat-taxxa bejn karozzi ġodda u karozzi second hand.
Il-Gvern ħabbar il-kriterji li fuqhom ser jimxi : taxxa tar-reġistrazzjoni li tvarja skond l-emissjonijiet tal-karozzi u t-tul tagħhom (minħabba l-ispazju li jiġi okkupat u allura l-effett fuq il-parking u fuq il-konġestjoni fit-toroq) kif ukoll liċenzja li tvarja skond kemm tkun ilha fit-triq il-karozza. Il-Gvern ħabbar ukoll li m’huwiex qed jippjana li jiġbor iktar taxxa milli qed jiġbor illum.
Ovvjament il-Gvern inqabad fuq sieq waħda. Kif iddikjara l-Ministru Fenech kien jippreferi li jibqa’ bis-sistema kif inhi. Ma ried jibdel xejn. Fil-passat irrifjuta li jisma’ l-leħen ta’ min intebaħ x’inhu ġej. Dawn huma l-konsegwenzi.
Ser jibqa’ jkollna iktar konsegwenzi minn dawn sakemm il-Gvern jibqa’ mingħalih li jista’ jimxi waħdu. Ma jagħti każ ta’ ħadd u ta’ xejn iżda biss ta’ dak li jidhirlu hu. Din is-sistema l-ġdida tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi imissha ilha li saret. Imma l-Gvern ipposponiha mhux biss biex jevita li jagħmilha imma ukoll biex ma tidħolx lejliet l-elezzjoni.
Għad irridu naraw kif ser tkun implimentata t-taxxa l-ġdida biex inkunu nistgħu nikkummentaw fuqha. S’issa dwar id-dikjarazzjonijiet li saru m’hemm xejn xi tgħid ħlief li d-dewmien hu eżaġerat.