Biedja Organika f’Malta

Informazzjoni dwar il-biedja organika f’Malta hi ftit skarsa. Anzi ma teżistix. Ħarsa lejn l-istatistika agrikola  ippubblikata mill-NSO tagħti risposta interessanti : l-ebda referenza. L-aħħar statistika agrikola ppubblikata mill-NSO hi għas-sena 2006.

 

Allura kien f’waqtu l-artiklu żgħir tal-Economist fis-26 ta’ Ġunju li għadda intitolat Organic Land Management 

 

Minn dan ir-rapport insiru nafu li l-iktar pajjiżi akkaniti fl-Ewropa għall-biedja organika huma l-Isvizzera bi ftit iktar minn 10% tal-art agrikola mogħtija għall-biedja organika. Warajhom il-ġirien Awstrijaċi. Bi ftit inqas minn 10%. Il-medja fl-Unjoni Ewropeja (b’25 pajjiż) hi ta’ 4% tal-art agrikola mogħtija għall-biedja organika. Malta terġa’ ma tissemmiex. 

Kelli nfittex fl-istatistika tal-EU, Eurostat biex insib ftit informazzjoni. Hawn sibt risposta. Malta qegħda fl-aħħar post : 0.1% tal-art agrikola f’Malta hi mogħtija għall-biedja organika.

Żmien ilu kien twaqqaf kumitat insejjaħ Organic Farming Committee biex iħejji ftit u jfassal l-istrateġija għall-biedja organika f’Malta. Dan il-kumitat kellu studju imħejji mill-Istitut Agronomiku Mediterranju ta’ Bari. L-ismijiet ta’ dawk li kienu fil-kumitat huma pubblici. Ir-riżultati iżda (ta’ l-inqas s’issa) għadhom ma jidhrux.

Naraw ftit kemm għad irridu nistennew.