Inħarsu l-Ambjent : għax hekk tajjeb u għax jaqblilna !

 

 

 

Il-messaġġ kontinwu li qed twassal AD f’dawn il-jiem huwa li l-ħarsien tal-ambjent hu stument biex intejbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħna lkoll.

 

Li nifhmu illi huwa meħtieġ illi ma naħlux elettriku u ilma huwa biss wieħed mill-issues. Nisħqu fuq illum iktar mill-bieraħ għax is-suġġett huwa attwali minħabba fiż-żieda fil-prezzijiet kif ukoll minħabba fiż-żieda fis-surcharge.

 

L-AD qed tinsisti li min ma jaħlix ikun ippremjat u min jaħli għandu jħallas sakemm jirrealizza li jaqbillu hu ukoll li juża r-risorsi bil-galbu.

 

Kif nistgħu ma naħlux ?

 

L-ewwel nistennew li jagħti eżempju l-Gvern. Għidna f’waħda mill-istqarrijiet tal-AD illi ma jistax ikun li l-impjanti tat-tisfija tad-drenaġġ wara li jkunu ppurifikaw l-ilma jarmu kollox il-baħar. Dan x’sens fih ? Veru li l-ilma ma jkunx għadu tajjeb. Imma veru ukoll li bi ftit investiment ieħor (ħdejn il-miljuni ġja investiti) jkun tajjeb ta’ l-inqas bħala ilma għat-tisqija. Il-Gvern fi ftit kliem qed jagħti eżempju ħażin.

 

It-tieni nistennew li min jimxi sewwa u juża r-risorsi bil-galbu jkun ippremjat mis-sistema.  Għalhekk qed nipproponu li min ikollu konsum baxx kemm tal-elettriku kif ukoll tal-ilma ikollu rati tas-surcharge (inkella t-tariffi meta dawn jinbidlu f’Ottubru li ġej) li jvarjaw skond l-użu. Min juża ftit ikollu rati baxxi ta’ surcharge u min juża ħafna jkollu rati għoljin. Mhux biss għar-residenzi iżda ukoll għall-użu kummerċjali.

 

Biex dan isir hemm bżonn li jkunu stabiliti benchmarks raġjonevoli permezz ta’ audits dwar l-użu tal-ilma u l-elettriku.

 

Hemm bżonn li min jiġġenera l-elettriku huwa permezz tal-pannelli fotovoltajci jew mtieħen żgħar tar-riħ jitħallas b’rata iktar għolja mill-Enemalta. Hekk jiġri f’pajjiżi oħra biex jinkuraġixxu lil min jagħti sehmu.

 

Hemm bżonn li min juża l-ilma tax-xita ikun eżentat mis-surcharge. Tafu għaliex ? Għax lill-pajjiż jiffrankalu :

1.      il-ħtieġa tal-produzzjoni ta’ l-ilma, inkluż l-elettriku li jintuża fl-impjanti tar-Reverse Osmosis,

2.      inaqqas l-ilma tax-xita mit-triq jew mid-drenaġġ, għax dan ikun qiegħed jinġabar fil-bir,

3.      jiffranka kwantita’ ta’ ilma li għalxejn jispiċċa fl-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ, u allura l-elettriku meħtieġ biex dan jissaffa.

 

Jekk iktar nies jaħżnu l-ilma tax-xita fil-bir u jużawħ flok l-ilma li tipprovdi l-Korporazzjoni għas-Serviżżi tal-Ilma l-effett ikun enormi : għall-pajjiż u għall-but tiegħek. Il-pajjiż jiffranka l-miljuni u inti tiffranka l-mijiet.

 

 

Inħarsu l-ambjent ifisser kwalita’ tal-ħajja aħjar. Bil-flus iffrankati minn użu bil-għaqal tar-riżorsi jistgħu jsiru affarijiet oħra li bħalissa m’għandniex mezzi biżżejjed għalihom.