AD qed tistudja l-proposti fid-dettall u iktar tard fi ħsiebha tippreżenta bil-miktub ir-reazzjoni tagħha għall-proposti specifiċi li saru fil-White Paper. Ma l-ewwel daqqa t’għajn iżda nistgħu ngħidu minnufih li ma jagħmilx sens li l-partiti politiċi jingħataw xi preferenza fuq ċittadini komuni. AD hi tal-fehma li l-partit politiċi m’għandhomx ikunu soġġetti għal kejl differenti. AD ma taqbilx li l-każini tal-partiti politiċi għandhom ikunu eżentati mir-riforma tal-liġi tal-kera. Kemm l-MLP kif ukoll il-PN diġa jieħdu mal-€250,000 fis-sena bejniethom bħala fondi għall-hekk imsejjħa kuntatti fl-UE. Nistiednu lill-partiti l-oħra jiddikjaraw minn issa jekk jaqblux mal-preferenza li qed jipproponi l-Gvern f’liġi ġdida dwar il-kera.
Ir-riforma proposta tintrabat mal-familja tradizzjonali ta’ raġel u mara miżżewġa u tinjora forom ġodda li żviluppaw matul is-snin. Fil-waqt li l-White Paper tirrikonoxxi d-drittijiet konnessi mal-kiri ta’ propjeta ta’ koppji separati tinjora dawk ta’ koppji divorzjati, ta’ koppji li jgħixu flimkien mingħajr ma huma miżżewġa kif ukoll ta’ koppji ffurmati minn żewġ persuni ta’ l-istess sess. AD ma taqbilx ma dan u tinsisti li dawn il-koppji għandhom ikollhom l-istess drittijiet ċivili ta’ koppja li tifforma familja meqjusa tradizzjonali.
Il-perjodu ta’ 20 sena transizzjoni li l-White Paper tipproponi biex r-riforma tkun applikabbli għal propjetajiet kummerċjali hu perjodu twil wisq u għandu jiġi mnaqqas sostanzjalment.
Ir-riforma tal-liġi tal-kera trid tfittex li tindirizza tlett aspetti :
a) li tkun ġusta mas-sidien mingħajr ma toħloq inġustizzja mal-inkwilini, l-iżjed ma dawk l-iktar vulnerabbli fis-socjeta,
b) li toħloq il-klima neċessarja biex jibdew jintużaw it-53,000 propjeta vojta u
c) b’hekk ma jkunx hemm iktar ħtieġa tal-kwantita ta’ bini li għaddej bħalissa.