Donnu li d-diskussjoni dwar runway għal Għawdex qatt ma tieqaf.
L-argument li qiegħed jinġieb huwa li hu ferm iktar ekonomiku li topera b’ajruplan żgħir li jġorr madwar 19-il ruħ milli b’helicopter. Allura xi piloti u oħrajn midħla tal-industrija qed jipproponu runway ta’ 1000 metru. Qed jgħidu li dan jibbenefika lit-turiżmu !
Interessanti li xi ħadd jispjega kif dan jinkwadra fil-pjan ta’ trasformazzjoni ta’ Għawdex fi gżira ekologika. Mhux aħjar li jsir sforz ikbar biex Għawdex isir ċentru ta’ turiżmu sostenibbli ? X’qiegħed isir biex ikun sviluppat l-agrituriżmu f’Għawdex ? Diġa jeżisti imma fuq skala żgħira. Imma ma jidhirx li hemm l-ebda inkoraġġiment mill-awtorita. Għax l-emfasi qegħda fuq it-turiżmu tal-lukandi.
Jinġiebu ħafna argumenti fuq airstips f’Lampedusa, Pantalleria u l-Gżejjer Griegi, imma ma jgħidux illi dawn huma l-bogħod mhux ħażin mill-eqreb art. Imbagħad wara kollox issa beda jaħdem l-airplane. Mhux aħjar naraw ftit kif jista’ jitjieb dan is-servizz bl-inqas impatti ambjentali, milli nippruvaw neqirdu iktar raba’ ? Ma nqerditx biżżejjed matul is-snin ?
Imbagħad hemm argument ieħor li ftit jitkellmu dwaru. Malta u Għawdex kemm jifilħu turisti ? L-infrastruttura tagħna tiflaħ il-kwantita ta’ turisti li nitkellmu dwarha?
Ejja naraw ftit x’nifhmu b’turiżmu sostenibbli. Xi jfisser fir-realta’ għalina ilkoll. Mhux għal Għawdex biss, iżda għal Malta ukoll.