Il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ta’ Mexxej tal-MLP għaddejja.
Diversi laburisti li jiktbu fil-ġurnali, fil-blogs jew fuq it-Times online jurtaw ruħhom li xi opinjonisti esprimew ruħhom fuq il-kandidati ddikjarati. Li nikkummentaw fuq il-pożittiv u n-negattiv tal-kandidati hu fih innifsu tajjeb. Li hemm ħażin fil-fehma tiegħi huma l-insulti u t-tmaqdir personali prinċipalment fi blog partikolari. Naħseb li ma nistgħux nistennew aħjar minn uħud u ħafna drabi jkollna nieħdu paċenzja u nissaportu. (Ngħid ikollna, għax naħseb li kulħadd huwa interessat f’dak li qiegħed jiġri, u ftit huma dawk li jaqblu mal-linja ta’ insulti li hemm min jeddeletta mhux ftit bihom.)
Il-votazzjoni tal-bieraħ fil-Konferenza Ġenerali tal-MLP fejn ittieħdet deċiżjoni biex ma tiġix imwessa’ l-bażi elettorali għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-MLP jiena nqiesha bħala waħda strateġika, u mhux waħda ta’ prinċipju. Hi l-istess deċiżjoni li kienet ittieħdet fil-PN f’nofs is-snin 70 meta saru emendi statutorji fl-istatut tal-PN biex tneħħa d-dritt tal-Kungress li jeleġġi l-Kap tal-PN. Il-Kungress tal-PN dakinnhar kien magħmul mit-tesserati kollha tal-Partit. Dakinnhar ukoll dik kienet deċiżjoni strateġika. Hemm il-possibilita illi kieku ma saritx, ir-riforma tal-PN ma kienitx tieħu d-direzzjoni li ħadet.
Min appoġġa t-twessiegħ tal-bażi elettorali fl-MLP fl-2008 jew iddefenda l-bażi elettorali wiesa’ fil-PN fl-1975 ma għamilx dan minħabba li qalbu taħarqu għad-drittijiet tat-tesserati, iżda għax ra l-possibilitajiet tiegħu jimmoltiplikaw bis-sistema li mexxa l-quddiem.
Issa li fl-MLP hemm idea il-fejn in-numri qed ixaqilbu, l-istorja issir interessanti iktar.
Huwa fl-interess tal-pajjiż kollu li l-MLP jkollu Mexxej li jġibu l-quddiem u li jagħtih lura l-kredibilita. Għalhekk dan l-interess fil-proċess.