ir-riklam tas-Shell li dwaru sar l-ilment
Fir-riklami mhux darba li jingħadu affarijiet li ma jkunux preċiżi. Xi drabi fil-fatt nitbissmu b’uħud mir-riklami. Dan ikun minħabba esagerazzjoni fil-mod kif jiġi ppreżentat il-punt.
Imma hemm riklami li jagħtu informazzjoni żbaljata dwar materji ambjentali. Dawn jistgħu jqarrqu u b’hekk jittamaw li jiġbdu klijenti addizzjonali minħabba l-messaġġ ambjentali imwassal.
Reċentement, fir-Renju Unit ġie ippubblikat ir-rapport annwali għas-sena 2007 tal-Advertising Standards Authority. F’dan ir-rapport jingħad li kien hemm żieda drammatika f’ilmenti dwar materji ambjentali f’410 riklam, u dan meta mqabbel mal-ilmenti dwar 83 riklam fis-sena 2006.
In-nies qed titħawwad b’min jgħid mod u min jgħid ieħor.
Fost ir-riklami eżaminati kien hemm wieħed tas-Shell li wera l-fjuri ħierġin miċ-ċmini, ieħor dwar ir-Ryan Air (fuq kemm l-avjazzjoni tikkontribwixxi għall-emissjonijiet) u ieħor dwar it-Toyota Lexus li juża l-kliem “High Performance, Low Emisions, Zero Guilt”. L-Awtorita ikkonkludiet li l-użu tal-kliem Zero Guilt kien “misleading” għax jimplika li din il-karozza m’għandha l-ebda, jew kważi l-ebda impatt ambjentali.