Fi stqarrija illum, kelliema ta’ Alternattiva Demokratika -The Green Party esprimew it-tħassib tagħhom għat-tneħħija ħabta u sabta ta’ l-eko-inċentivi għall-konsumaturi li jagħżlu li jakkwistaw appliances li jużaw l-elettriku b’mod aktar efficjenti. Il-Kelliem ta’ l-AD dwar l-iżvilupp sostenibbli, l-Perit Carmel Cacopardo qal: L-eko-inċentivi jippremjaw lil dawk il-konsumaturi li jagħmlu għażliet bil-għaqal. Min jixtri appliances li jaħlu anqas elettriku, minbarra li jkun qiegħed jonfoq anqas f’kontijiet ikun qed jgħin lis-soċjeta’ kollha kemm hi billi jgħin biex jonqos it-tniggis u anke l-użu ta’ enerġija elettrika, li kif nafu tiswa lill-pajjiż miljuni ta’ Ewro fis-sena. L-eko-incentivi fuq appliances aktar effiċjenti huwa strument tajjeb u l-gvern għandu jagħti spjegazzjoni ċara għaliex mar lura kuq kelmtu u neħħa dawn l-inċentivi f’daqqa waħda.
Il-Kelliem ta’ AD dwar l-industrija, l-enerġija u l-innovazzjoni, Ralph Cassar qal: Malta għandha obbligi internazzjonali li tnaqqas it-tniggis. AD temmen ukoll li l-gvern għandu obbligu lejn il-Maltin u l-Għawdxin, obbligu li jippromwovi politika li tħares il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies. Eko-inċentivi li jħajjru lill-konsumatur u anke lill-imprenditur jixtri u joffri prodotti b’teknoloġija moderna li tnaqqas l-konsum ta’ l-elettriku huwa mod wieħed kif il-gvern jista’ jersaq aktar viċin li jilħaq l-miri ta’ l-UE dwar t-tniggis u l-tibdil fil-klima u kif inaqqas l-effetti tat-tniggis fuq is-saħħa tal-pubbliku.
Il-fatt li tneħħa l-eko-inċentiv fuq l-appliances jixhed kemm il-wegħdi ta’ qabel l-elezzjoni fuq dan il-punt kienu fiergħa. L-AD issa tistenna biex tara kif il-PN ser jimxi fuq il-wegħdiet ambjentali l-oħra tiegħu.”