Nhar l-10 t’April 2008 l-Kummissjoni tal-EU flimkien mal-Bank tal-Investiment Ewropew (EIB – European Investment Bank) ippubblikaw studju li sar flimkien mal-Pjan għal Azzjoni Mediterranja (MAP-Mediterranean Action Plan) tal-UNEP (United Nations Environment Programme).
F’dan l-istudju ġew identifikati 131 siti jaħarqu kawża tat-tniġġiż kif ukoll 44 proġett li ser jingħataw prijorita għall finanzjament biex jiġi kkontrollat it-tniġġiż fil-Mediterran. L-ispiża f’dawn il-proġetti hi stmata li tammonta għal € 2.1 biljun.
Ir-rapport huwa intitolat Horizon 2020 : Elaboration of a Medterranean Hotspot Investment Programme (MeHSIP). Jittratta l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Lebanon, il-Marokk, it-Teritorju Okkupat tal-Palestina, is-Sirja u t-Tuneżija : pajjiżi mat-tul tal-kosta tan-nofsinnhar tal-Mediterran.
L-inizzjattiva Horizon 2020 kienet varata fl-2005 fl-10 anniversarju tal-proċess Ewro-Mediterranju, magħruf bħala l-proċess ta’ Barcelona. L-għan ewlieni tal-inizzjattiva hu li jiġi mnaqqas it-tniġġiż tal-Mediterran u dan billi jiġi identifikat l-origini ta’ dan it-tniġġiż kif ukoll li jittieħdu passi dwaru sas-sena 2020.
Ir-rapport jittratta l-ġbir tal-iskart (municipal waste), id-drenaġġ (kemm is-sistema innifisha kif ukoll impjanti għat-tisfija tiegħu), it-tniġġiż mill-industija kif ukoll l-iskart industrijali u skart perikoluż.
Ir-rapport jeżamina l-involviment kemm tas-settur privat kif ukoll tal-NGOs. Fil-fatt wieħed mill-għanijiet tal-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-kooperazzjoni ambjentali mal-pajjiżi tal-Mediterran hi li tiġi msaħħa s-soċjeta ċivili ħalli din b’aċċess ikbar għall-informazzjoni ambjentali tkun tista’ tikkontribwixxi għal għarfien ikbar min-nies kif ukoll bħala konsegwenza għal parteċipazzjoni iktar wiesa’ fit-teħid tad-deċiżjonijiet. (Agħfas hawn biex tara r-rapport sħiħ)