Il-Ministru tal-Finanżi Tonio Fenech qal lis-Sunday Times li m’hemmx għalfejn noqgħodu lura milli nixtru l-karozzi. Dan qalu fil-kuntest ta’ rapport li kien hemm tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ ta’ karozzi minn Novembru li għadda meta sar magħruf illi l-Gvern kien fi ħsiebu jirrevedi t-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi. Issa fir-realta’ r-riforma ser tindiriza tlett affarijiet.
L-ewwel ser tindirizza t-twissija mill-EU li ma jistax ikun hemm ħlas ta’ VAT fuq it-taxxa tar-registrazzjoni. M’hemmx taxxa fuq taxxa.
It-tieni ser tindirizza d-diskriminazzjoni fir-rati tal-ħlas bejn karozzi ġodda u karozzi second hand. Biex dan ikun jista’ jsir il-Gvern ħabbar illi ser jorbot ir-rata tal-ħlas mal-emissjonijiet tal-karozzi. Kif dan ser isir għadu mhux magħruf. Hemm iżda bosta modi kif jista’ jsir. L-ewwel irid jiġi stabilit x’inhu l-oġġettiv : jiġifieri jekk huwiex wieħed finanzjarju jew inkella wieħed ambjentali. Inkella jekk għandux mit-tnejn. Minn dan jiddependi x’ser jipproponi l-Gvern.
Fix-xhur li ġejjin inkunu nafu għax ġa tħabbar illi fid-dokument ta’ qabel il-budget li normalment jiġi ppubblikat f’nofs is-sena ser tibda konsultazzjoni pubblika.