It-taxxa tar-registrazzjoni tal-karozzi

exhaust1.jpg

 

Kulħadd f’daqqa waħda qed jitkellem favur l-ambjent. Din m’hiex xi ħaġa ħażina. Pero jekk dan ifisssirx li ser nimxu il-quddiem jew le għad irridu naraw. Irridu naraw kif il-kliem ser jinbidel f’fatti.

Għalissa, 4 ġimgħat wara l-elezzjoni għadu ftit kmieni.

It-Times illum f’artiklu intitolat Car Tax Reform Gathers Speed ħabbret li mhux il-bogħod li jkunu magħrufa l-proposti tal-Gvern għal riforma tat-taxxa dwar ir-registrazzjoni tal-karozzi. Il-Ministru Tonio Fenech ġie rappurtat li qal li din it-taxxa ser tkun ibbażata fuq l-emmissjonijiet (tal-karozzi).

Dettalji iktar għalissa m’hemm xejn ħlief il-kumment tat-Times li din ir-riforma tista’ twassal għal karozzi li jkunu iktar irħas fil-prezz. Jekk dan li jkollna karozzi iktar irħas iseħħx jew le m’huwiex faċli li tgħidu f’dan l-istadju. Għax dan ser jiddependi mid-dettalji tar-riforma kif ukoll minn jekk it-taxxa titħallasx f’daqqa meta tinxtara l-karozza, inkella jekk tkunx waħda li titħallas kull sena skond kif tvarja l-emissjoni tal-karozza!

Il-Gvern kien ħabbar din ir-riforma fid-diskussjoni ta’ qabel il-budget madwar tlett snin ilu. Minn dakinnhar lil hawn kien hemm pressjoni mill-Unjoni Ewropea dwar il-ħlas ta’ registrazzjoni in konnessjoni ma’ karozzi second hand. Ir-rati li jitħallsu illum huma meqjusa diskriminatorji meta tqabbilhom ma dawk li jitħallsu dwar karozzi ġodda.

Minn dak magħruf s’issa ħareġ punt posittiv. Li r-riforma li ser issir m’hiex ser tkun limitata għall-aspett fiskali iżda ser tindirizza ukoll l-aspett ambjentali. Dan hu tajjeb għax l-aħħar rapport dwar l-istat tal-ambjent f’Malta iqiegħed lit-transport fuq nett fil-lista ta’ dak li huwa problematiku f’pajjiżna.

Dan l-eżerċizzju hu sfida kbira. Nittama li jirnexxi.