Ir-Riforma tal-MEPA : (4) Ir-Rwol tal-Parlament

   

Il-Parlament sal-lum kellu rwol limitat fejn tidħol il-MEPA. B’mod ġenerali l-Parlament għadda r-responsabbilta’ għas-sorveljanza tal-MEPA f’idejn il-Gvern.

Il-Parlament jappunta żewġ membri tiegħu, wieħed min-naħa tal-Gvern u l-ieħor min-naħa tal-Opposizzjoni bħala membri tal-Bord tal-MEPA. Minbarra dan, darba fis-sena jiddiskuti u japprova r-rapport annwali u l-estimi finanzjarji ta’ din l-Awtorita’.

Isiru u jiġu mwieġba mistoqsijiet fil-Parlament. Permezz ta’ emendi għall-liġi li saru fl-2001  twaqqaf Kumitat tal-Parlament li jiddiskuti materji dwar l-ippjanar ta’ l-użu tal-art, kif ukoll il-ħatra tal-Uffiċjal tal-Verifika tal-MEPA.

Naħseb li wasal iż-żmien li l-Parlament jassumi rwol ta’ sorveljanza kontinwa tal-MEPA. Jiġifieri kontinwament jara jekk l-Awtorita’ hiex qed timxi tajjeb, skond il-policies ambjentali, skond il-policies dwar l-użu tal-art kif ukoll il-politika finanzjarja fis-seħħ.

Żewġ membri tal-Parlament li jipparteċipaw fil-Bord tal-MEPA ma jistgħux jassiguraw li dan isir.

Ikun ħafna aħjar jekk il-Kumitat Parlamentari dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp li diġa jeżisti jassumi funzjonijiet ta’ kelb tal-għassa (watchdog) fuq il-MEPA minflok ma jkun it-timbru li jikkonferma dak li jkun għamel, xtaq jew fi ħsiebu jagħmel il-Gvern.

Fost il-ħidma tiegħu dan il-Kumitat Parlamentari jista’ jkollu s-segwenti :

  1. jiddeċiedi fuq il-ħatriet tal-membri tal-Bord tal-MEPA u c-Chairman ta’ kull waħda mill-Kummissjonijiet ta’ Żvilupp (DCC) fuq proposta tal-Gvern tal-ġurnata u dan wara smiegħ pubbliku,
  2. japprova l-ħatra tal-Uffiċjal tal-Verifika tal-MEPA (Audit Officer), li jirrapporta direttament lilu, u jassigura ruħu li għandu biex jaħdem ħalli jkun jista’ jwettaq xogħolu,
  3. jissorvelja l-ħidma tal-MEPA direttament billi perjodikament matul is-sena jiddiskuti, wara li jingħata l-informazzjoni teknika neċessarja, l-operat tal-MEPA,
  4. jassigura li r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċjal tal-Verifika (Audit Officer) tal-MEPA fejn meħtieg jittieħdu passi dwarhom, u fejn ma jittieħdux ikun sodisfatt li hemm ġustifikazzjoni għal dan,
  5. jassigura li kontinwament qed isir l-aġġornament neċessarju fil-liġijiet ambjentali tagħna u li l-MEPA qed tingħata l-fondi neċessarji għall-hidma taghha,
  6. jissorvelja matul is-sena kollha l-infieq tal-MEPA.

B’hekk il-Parlament ikun jista’ jissorvelja lill-MEPA il-ħin kollu, u mhux meta tinqala’ xi kriżi biss !

(ikompli)

 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s