Intqal ħafna u għad baqa’ x’jingħad dwar ir-riżultat elettorali.
L-iżjed ħaga li tolqotni hu l-piż (differenti) li nagħtu lil dak li jiġri madwarna. Dan hu inevitabbli għax m’aħniex sensittivi għall-istess affarijiet.
Matul is-sena kollha f’diversi lokalitajiet kulħadd jilmenta illi l-industrija tal-kostruzzjoni ħadet over lill-pajjiż …… f’Tas-Sliema, Attard, Xemxija, Mellieħa, Marsaskala u f’kull rokna tal-pajjiż.
Meta tgħaqqad dan man-nuqqas ta’ regolamentazzjoni tal-finanzjament tal-politika f’Malta, il-vot popolari m’huwiex dejjem wieħed faċli biex tifhmu.
Il-konklużjoni tiegħi hi li l-kontroll tal-eċċessi tal-industrija tal-bini m’huwiex prijorita tal-votant. Il-prijorita’ kienet it-kattir tal-ġid materjali rrispettivament mill-konsegwenzi. Il-bqija kien xkiel. Dan kien il-messaġġ li l-iżjed għamel ħoss matul dawn l-aħħar ġimgħat.
Nirrispetta din il-posizzjoni għalkemm xejn ma naqbel magħha u dan minħabba li l-ġid li qed jinħoloq huwa dipendenti ħafna fuq il-qerda tal-ftit li baqa’ madwarna. Kontinwament qed tiddardar l-għajn li rridu nixorbu minnha lkoll.