Il-vot hu tiegħek biss. Il-Partit Laburista m’għandux voti. L-anqas il-PN.
Ikollhom il-voti li n-nies tiddeċiedi li tagħtihom. Xejn iktar, xejn inqas.
Il-voti li ser iġġib l-Alternattiva Demokratika fl-elezzjoni li ġejja la huma ġejjin mill-PN u l-anqas mill-MLP. Iżda ġejjin mingħand dawk il-votanti li l-Alternattiva tirnexxielha tikkonvinċi.
L-Alternattiva ma tbeżża’ lil ħadd : la b’Alfred Sant, la bil-babaw u l-anqas b’Lawrence Gonzi. Il-parti l-kbira tan-nies titbissem meta jkun hemm min jipprova jbeżża’. Għax iż-żmien tal-biża’ ilu li għadda ħafna snin.
Min jipprova jbeżża’ tilef il-fiduċja li jikkonvinċi. Irid inessi dak li għamel billi jiddevja l-attenzjoni mid-difetti tiegħu għad-difetti ta’ ħaddieħor.
L-AD, li f’isimha jiena kandidat tistiednek biex tivvota b’konvinzjoni. Mhux kontra min ma taqbilx miegħu, iżda favur dak li taqbel.