Il-Messaġġ dwar l-Impjant tal-Iskart f’Sant Antnin Marsaskala

2270447737_c88323acde2.jpg

Il-Messaġġ dwar l-impjant ta’ riċiklaġġ tal-iskart f’Sant Antnin Marsaskala wasal ċar għand kulħadd. Allura dawk li ma għoġobhomx minflok ma jiddiskutu l-messaġġ qed jattakkaw lili ! Xejn ġdid f’dan.

 

Huwa utli għaldaqstant li nwieġeb uħud mill-attakki li saru :

 

1)      qalu li r-rapport huwa tiegħi u allura ma jiswiex : filwaqt li l-investigazzjoni għamiltha jiena (kif għamilt ħafna oħrajn) dan ir-rapport kien approvat mill-Perit Joe Falzon u mibgħut lill-MEPA iffirmat minnu; huwa rapport preliminari li jispjega x’investigazzjoni saret u l-konklużjonijiet relevanti;

2)      qalu li qed nipprova nieħu xi vantaġġ personali : ir-rapport ippubblikajtu issa minħabba li l-Gvern injora l-fatt illi hemm numru ta’ appelli kif ukoll kawżi pendenti; biex jiġi ippubblikat ir-rapport il-MEPA tippretendi li jispiċċaw il-kawżi, imma biex jibda jaħdem l-impjant ħadd ma stenna li l-kawżi jispiċċaw;

3)      qalu li l-Alternattiva Demokratika ma tridx li jkun hemm impjant tar-riċiklaġġ tal-iskart : din ħrafa oħra; l-AD hi konxja dwar l-obbligi li Malta għandha biex tnaqqas l-ammont ta’ skart ġġenerat u mitfuħ fil-miżbliet; l-AD kienet u għadha kontra l-impjant kif propost; hi kontra l-mod kif l-awtoritajiet irromblaw minn fuq ir-residenti;

4)      qalu li r-rapport jgħid li d-deċiżjoni dwar l-għażla tas-sit hi tajba : ir-rapport jgħid affarijiet differenti minn hekk; jgħid li ma sarx sforż biżżejjed biex jinstab sit alternattv kif ukoll li l-uniku sit li seta kien tajjeb dak f’Ħal-Far ġie skartat mingħajr ma ngħataw raġunijiet tajba għal dan; jekk il-MEPA kienet konxja li kien hemm diffikulta biex tinstab art ta’ daqs tajjeb ħalli fiha jsir l-impjant kellha toqgħod ħafna iktar attenta biex tispjega sewwa dak li għamlet;

5)      intqal li l-Ministru kellu l-obbligu li jieħu sehem fil-laqgħat : dan m’huwiex veru; il-MEPA twaqqfet (fost affarijiet oħra) biex il-politiku ma jieħux sehem fil-ħruġ tal-permessi; l-anqas dawk li jikkonċernaw lill-Gvern; kien l-obbligu tal-Bord tal-MEPA li jara li l-affarijiet jimxu sewwa u l-Ministru ma kienx hemm bżonn li jindaħal;

  Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal huwa tajjeb li ngħid mill-ġdid li l-AD trid li jsiru malajr kemm jista’ jkun l-istudji li għadhom ma sarux, jiġifieri dawk dwar is-saħħa, dwar l-impatt fuq il-kwalita’ tal-arja u l-irwejjah. Huwa meta jkunu saru dawn l-istudji li jkunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar x’inhu meħtieġ li jsir iktar fl-impjant ta’ Sant Antnin Marsaskala.  Imma fuq kollox huwa meħtieġ illi  l-iżbalji li saru f’Marsaskala ma jsirux fiż-żewġ impjanti l-oħra li ghad iridu jsiru.