L-Impjant Ta’ Sant’ Antnin f’Marsaskala – Ftit Riflessjonijiet

castille1.jpg

 

 

  

Wara l-Konferenza Stampa tal-bieraħ fejn ippubblikajt ir-rapport dwar l-impjant ta’ Sant’ Antnin f’Marsaskala li nżamm sigriet għal sena sħiha huwa xieraq li nagħmel ftit riflessjonijiet fuq il-kummenti li ntqalu matul dawn il-ġranet.

 

L-ewwel nett : Fejn jidħlu d-drittijiet taċ-ċittadin fil-konfront tal-istat l-istituzzjonijiet f’Malta huma dgħajfa. L-istituzzjonijiet mhux biss naqsu minn dmirhom li jfornu l-informazzjoni talli rromblaw minn fuq kulħadd. Dan huwa wieħed mis-sintomi ta’ Gvern ta’ Partit wieħed. Fejn jidħlu l-interessi tal-partit fil-Gvern l-istituzzjonijiet jiġġammjaw.

 

It-tieni :  L-istudji dwar il-kwalita tal-arja u l-irwejjaħ hemm bżonn li jsiru malajr kemm jista’ jkun. L-Alternativa Demokratika bħala parti minn Gvern ta’ Koalizzjoni fi ftit żmien ieħor ser tassigura li dan isir. Wara li jkunu konklużi dawn l-istudji jkunu jistgħu jibdew jittieħdu d-deċizjonijiet li jkun hemm bżonn dwar l-impjant.

 

It-tielet : Mhux veru li l-Unjoni Ewropea permezz tal-Kummissarju Dimas qalet li dwar l-impjant ta’ Sant’ Antnin kollox sew. Qalet biss li ma nkisrux direttivi ambjentali ewropej. Jekk inkisrux jew le liġijiet u regolamenti Maltin irridu naraw aħna hawn Malta. Dan kumment li tajtu lix-Xandir tal-Istat nhar is-Sibt li iżda ġie ċċensurat għax ma jdoqqx għall-widejn il-Gvern. Sintomu ieħor ta’ Gvern ta’ Partit wieħed.

 

Ir-raba’ : Il-Ministru tal-Ambjent f’dan il-każ indaħal fejn ma jesgħux. Il-liġi dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp ma tippermettilux li jagħmel dan. Kien hemm ic-Chairman tal-MEPA, id-Direttur Ġenerali u d-Diretturi l-oħra li setgħu faċilment jimmoniterjaw il-mod kif l-applikazzjoni kienet qed tiġi pproċessata. Huwa dmir tagħhom. Ir-rwol tal-Ministru hi definit b’mod ċar ħafna fil-liġi. Dak li għamel fuq din l-applikazzjoni m’għandu l-ebda bażi fil-liġi. Abbuża mill-posizzjoni tiegħu.

 

Il-ħames : Il-lezzjonijiet li joħorġu minn dan il-każ irridu nitgħallmuhom sewwa, għax iridu jsiru żewg impjanti oħra. Wieħed f’Għawdex u ieħor fit-tramuntana tal-pajjiż. Ma jistax ikun li d-disgwid li nqala’ jirrepeti ruħu. In-nies iridu jkunu rispettati f’kull ħin.