Separatament qed jiġi pubblikat ir-rapport intitolat Audit Report 2007/026 Preliminary datat 2007. Ara http://www.alternattiva.org.mt/filebank/documents/Report-2007-026.pdf
Dan ir-rapport jeżamina ilmenti dwar l-ipproċessar tal-applikazzjoni PA4607/06 quddiem l-MEPA dwar l-impjant għall-ipproċessar tal-iskart f’Sant Antnin Marsaskala li kien ġie rilaxxjat fil-bidu ta’ Frar 2007.
Dan ir-rapport sar wara investigazzjoni li saret minni fuq inkarigu tal-Uffiċjal tal-Verifika tal-MEPA.
Il-MEPA oġġezzjonat li tippubblikah minħabba li tikkonsidra li dan jippreġudika l-interessi tagħha. Jiena qiegħed nippubblikah għar-raġunijiet segwenti :
- il-MEPA għandha l-obbligu li tiddefendi l-interessi tal-komunita’ u mhuwiex aċċettabbli li taħbi mill-istess komunita’ rapporti li jixħtu dawl fuq l-operat tagħha,
- l-istituzzjonijiet kollha fallew fl-obbligu tagħhom li jżommu l-komunita’ infurmata dwar materja ta’ interess pubbliku u bħala riżultat ta’ hekk qed jinsatru azzjonijiet ta’ ħsara lill-komunita’ ta’ Marsaskala,
- f’dawn iċ-ċirkustanżi nħoss l-obbligu morali, anke fl-assenza ta’ Whistleblower Act illi nikxef dan ir-rapport.
Ir-rapport twil 21 paġna jeżamina 9 ilmenti dwar il-proċess tal-impjant ta’ Sant Antnin.
Tlieta huma l-punti ta’ interess pubbliku :
- fl-identifikazzjoni tas-sit biex fih isir l-impjant ma sar l-ebda sforz serju biex jiġi identifikat sit alternattiv; l-ewwel billi t-tlett siti alternattivi identifikati (Zona Industrijali tal-Kalkara, l-Għallis Naxxar u l-Mara Birżebbuġa) kienu żgħar wisq u t-tieni billi sit barra miż-żona industrijali ta’ Ħal Far li kien identifikat bħala li seta’ kellu l-potenzjal bħala sit alternattiv kien skartat mingħajr ma sar studju adegwat fuq il-potenzjal tiegħu (ara paġni 3 sa 10 tar-rapport);
- studji li skond it-Terms of Reference (TOR) stabiliti għall-Environmental Impact Assessment (EIA) kellhom isiru baqgħu ma sarux. Dan huwa stabilit fit-Taqsima intitolata Impact on Air Quality and odour tat-TOR. Kellu jsir “odour impact assessment” li sal-lum baqa’ ma sarx. Dan hu neċessarju biex jiġi stabilit jekk l-operazzjoni tal-impjant ikollux impatt fuq is-saħħa tan-nies (ara paġni 10 sa 12 tar-rapport)
- waqt l-ipproċessar tal-applikazzjoni saru laqgħat bejn dawk l-uffiċjali tal-MEPA li kienu qed jipproċessaw l-applikazzjoni u l-Ministru responsabbli għall-Ambjent; dan jitfa dell fuq il-proċess u ma jagħmel xejn biex ineħħi l-impressjoni ta’ indhil politiku fl-ipproċessar tal-istess applikazzjoni (ara punti 5 u 6 f’paġni 19 u 20 tar-rapport).
Fid-dawl ta’ dan jinftehmu iktar il-proposti ta’ riforma tal-MEPA li qed tagħmel l-Alternattiva Demokratika fil-Manifest ta’ Koalizzjoni u ċjoe :
- li t-Taqsima tal-Ambjent u t-Taqsima tal-Ipjanar dwar l-użu tal-art ma jibqgħux jiffurmaw parti mill-istess awtorita,
- li jkun il-Parlament permezz ta’ Kumitat Magħżul li jkollu l-aħħar kelma fuq il-ħatra tal-membri tal-Bord tal-MEPA u s-suċċessuri tagħha wara smiegh pubbliku u
- li jkun introdott Referendum Lokali biex ir-residenti direttament permezz ta’ 10% tagħhom jew permezz tal-Kunsill Lokali jkunu jistgħu jsejħu referendum ħalli jkunu huma jkollhom l-aħħar kelma fuq proġetti soġġetti għal EIA.
Dawn huma l-fatti li sal-lum inżammu mistura u li jiena nħoss l-obbligu li nqiegħed quddiem il-pubbliku ghall-konsiderazzjoni tiegħu.