Meta l-Istituzzjonijiet Ifallu ………

                  castille.jpg           marsaskala11.jpg

 

Għandi nippubblika r-rapport dwar l-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant Antnin f’Marsaskala jew kif qal Lawrence Gonzi għandi nħalli f’idejn l-istituzzjonijiet ?

 

X’istituzzjonijiet ?

 

Il-MEPA oġġezzjonat li jkun ippubblikat għax qalet li dan jippreġudika l-posizzjoni tagħha. Il-MEPA nistaqsi mhux suppost li qegħda hemm biex tiddefendi lill-komunita kollha, u allura għax qed tipprova taħbi mill-istess komunita’ rapport li jitfa dawl kif taħdem hi ?

 

Il-Perit Joe Falzon Awditur tal-MEPA iddeplora d-dikjarazzjoni tiegħi li ser nippubblika ir-rapport. Għandi rispett kbir lejn il-Perit Falzon. Id-dikjarazzjoni tiegħu hi motivata mir-rispett lejn l-istituzzjonijiet. Jibqa’ jirrispetthom anke meta jaf li fallew.

L-Ombudsman fuq talba tal-MEPA qal li jkun xieraq li r-rapport jibqa’ mistur.

 

F’ċirkustanzi normali dan l-argument huwa wieħed validu. Fejn l-istituzzjonijiet jimxu sewwa u jaqdu l-funzjonijiet tagħhom dan huwa atteġġjament validu. Imma fil-każ in eżami fejn l-istituzzjonijiet huma f’kompliċita biex jgħattu u jaħbu għandi l-obbligu morali li nikxef. Dan nagħmlu b’sens ta’ responabbilta’.

  

Matul il-ġimgħat li għaddew kelli diversi talbiet biex noħroġ ir-rapport mingħajr ma nidher. Stajt għamilt hekk imma għażilt li r-rapport nippubblikah jien biex nerfa’ r-responabbilta kollha għal din l-azzjoni.

  

L-opposizzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport min-naħa tal-Gvern turi kemm id-dikjarazzjonijiet favur trasparenza u d-dritt għall-informazzjoni huma finta.

  

It-48 siegħa jagħlqu illum il-Ġimgħa 15 ta’ Frar 2008 fil-5.30pm. F’xi ħin għada matul il-jum tas-Sibt ir-rapport ikun ippubblikat u jkun jista’ jinqara fuq il-website tal-Alternattiva Demokratika.