L-artiklu tal-lum ta’ Daphne Caruana Galizia f’ The Malta Independent on Sunday bit-titlu Choose Labour for a New Beginning hu tat-tqalliegħ tal-istonku. Kumbinazzjoni jikkumplimenta l-billboards li tella’ l-PN madwar Malta illum.Ma tistax tpoggi lill-membri parlamentari laburisti fl-istess keffa. L-istess jgħodd ghall-dawk tal-PN.Daphne tiftakar fl-artiklu tagħha stess ta’ nhar il-15 ta’ Lulju 2007 fil-Malta Independent (daily) intitolat : Get rid of him, for God’s sake dwar il-Ministru Jesmond Mugliett. Dak l-artiklu kienet ikkonkludietu bis-segwenti kliem :“The Transport Minister’s behaviour in sticking his neck out for his corrupt canvasser is one of the nails that will lose the battle for this government – because, in turn, it made the Prime Minister stick out his neck for him, and now look what’s happened.” Jesmond Mugliett u uħud mill-Membri Parlamentari Laburisti li semmiet ma hemmx x’tagħżel. Fl-istess ilma qegħdin.Inħoss iżda b’mod partikolari li kienet inġusta ma’ Joe Brincat, Shadow Minister għall-Ambjent f’isem il-Partit Laburista. Tajjeb li ngħid li Joe Brincat kien il-Ministru responsabbli ghall-Housing fil-legislatura 1976-81 li beda l-attakk kontra l-favoritiżmu politiku fl-allokazzjoni tal-housing socjali.Tant kien effettiv li fil-Partit Laburista dakinnhar ħadmu kontrieh u ma irnexxielux jitla’ fil-Parlament ħlief b’elezzjoni każwali. Kien hu ukoll l-uniku wieħed mill-grupp parlamentari laburista li kien preżenti ghall-funeral ta’ Raymond Caruana f’Diċembru 1986 fil-Gudja. Jekk niftakar tajjeb kien akkumpanjat minn ibnu.B’mod pubbliku kien l-uniku wieħed mill-MLP li dakinnhar iddisassoċja ruħu mill-vjolenza politika. Dakinhar kien Deputy Leader tal-MLP.Bħal kull wieħed minna għandu d-difetti tiegħu u mhux dejjem qbilt ma dak li jgħid.Imma jkolli nghid li nippreferi elf Joe Brincat minn nies bħal Jesmond Mugliett.B’artikli bħal tal-lum Daphne qegħda tippropaga politika tal-lanżit.Dan hu kollu frott il-paniku.