Tag Archives: referendum

Mill-Manifest Elettorali ta’ AD dwar bidliet fil-Kostituzzjoni : (1) Parteċipazzjoni wiesgħa

Forum tal-President 1

(1)    Parteċipazzjoni wiesgħa

Kull diskussjoni dwar bidliet profondi fil-Kostituzzjoni għandha titmexxa bl-akbar ftuħ u trasparenza u tiġi diskussa kemm fil-Parlament, (li għandu jsir istituzzjoni professjonali b’Parlamentari full-time), kif ukoll f’forum rappreżentattiv li jkun jinkludi rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-partiti politiċi kollha u l-Kunsilli Lokali. Il-proċeduri u d-diskussjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli online u s-suġġerimenti taċ-ċittadini għandhom jiġu diskussi wkoll. Il-bidliet għandhom jiġu approvati b’referendum.

(silta mill-Kapitlu Numru 6 tal-Programm Elettorali ta’ Alternattiva Demokratika)

Snippets from AD’s electoral manifesto: (32) Constitutional reform

George Borg Olivier + Constitution

 

The following extract is taken verbatim from Chapter 6 of AD’s Electoral Manifesto

Any discussions on wide-ranging changes to the constitution should be conducted in maximum transparency and openness and debated both by parliament (which should become a professional institution with full-time parliamentarians) and by a representative forum which includes representatives of civil society organisations, political parties and local councils. All proceedings and discussions should be accessible on-line and suggestions by ordinary citizens should also be discussed. Changes should be approved through a referendum.

L-Estratt segwenti hu meħud kelma b’kelma mill-Kapitlu 6 tal-Manifest Elettorali ta’ Alternattiva Demokratika

Kull diskussjoni dwar bidliet profondi fil-Kostituzzjoni għandha titmexxa bl-akbar ftuħ u trasparenza u tiġi diskussa kemm fil-Parlament, (li għandu jsir istituzzjoni professjonali b’parlamentari full-time), kif ukoll f’forum rappreżentattiv li jkun jinkludi rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-partiti politiċi kollha u l-kunsilli lokali. Il-proċeduri u d-diskussjonijiet għandhom ikunu aċċessibbli online u s-suġġerimenti taċ-ċittadini għandhom jiġu diskussi wkoll. Il-bidliet għandhom jiġu approvati b’referendum.

Kuxjenza għajjiena

Il-Ministru tal-Ambjent hu Lawrence Gonzi. Huwa bniedem ta’ kuxjenza. Li jgħarbel, jiżen u jaqta’ skond ma tgħidlu l-kuxjenza.

Dan l-aħħar minħabba l-proposta ta’ JPO fuq id-divorzju il-kuxjenza ta’ Lawrence Gonzi ħadmet bl-overtime. M’hux faċli, ngħiduha kif inhi, li tippjana referendum u taħseb li n-nies ser ikollha l-istess opinjoni tiegħek u jmurlek kollox żmerċ! Gonzipn ippjana li jkollu deċiżjoni kontra d-divorzju mittieħda mir-referendum u spiċċa jkollu jħaddem il-kuxjenza. Issa din għajjiet ftit u allura affarijiet oħra jkolhom jistennew.

Ikollhom jibqgħu jistennew ir-residenti ta’ Triq Tumas Chetcuti  f’Ħ’Attard. Dawn ilhom jissaportu l-barriera magħrufa bħala ta’ Wied Inċita. Qed timliehom bit-trabijiet u l-awtoritajiet ilabalbu biss. Il-kuxjenza tal-Ministru tal-Ambjent jidher  qegħda bil-leave għax għajjiet u issa m’hiex f’posizzjoni li tagħmel xogħolha. Kieku l-kuxjenza m’hiex bil-leave il-Ministru tal-Ambjent Lawrence Gonzi zgur li jitlob spjegazzjoni  għal 7 enforcement  notices mill-MEPA tul is-snin fuq din il-barriera :

ECF 254/94, 522/96, 693/96, 367/98, 546/98, 936/98, 224/02

Dawn l-enforcement notices huma dwar il-barrieri Numri 3 u 12. Il-Barriera numru 3 hi magħrufa bħala ta’ Wied Inċita Attard fil-waqt li l-barriera numru 12 hi fi Triq ir-Rabat Ħaż-Żebbuġ. Dawn iż-żewg barrieri jinfdu u huma tal-istess sidien.

Alternattiva Demokratika dal-għodu indirizzat lill-istampa fuq il-problemi li dawn  iż-żewġ barrieri qed joħolqu lir-residenti. Forsi l-kuxjenza tal-Onorevoli Ministru Lawrence Gonzi tqum mir-raqda. Jew ta’ l-inqas ma tibqax riżervata għad-divorzju biss.     

il-Ministru tal-Ambjent : dak tal-lum u ta’ qablu

Iċ-Chewing Gum fil-Parlament

Smajt b’attenzjoni l-parti l-kbira tad-diskorsi li saru fil-parlament dwar il-liġi tad-divorzju. Għandi rispett kbir lejn dawk il-membri parlamentari kollha li iddikjaraw li ivvutaw LE għax hekk qaltilhom il-kuxjenza. 

Imma fil-waqt li nirrispetta l-għażla tagħhom naħseb li b’din id-dikjarazzjoni li għamlu tefgħu dawl fuq il-kredenzjali demokratiċi tagħhom. Għax fi ftit kliem qalulna li r-referendum għalihom kien ikollu sinifikat BISS li kieku rebaħ il-LE.

Tajjeb li mxew skond il-kuxjenza imma l-kredenzjali demokratiċi tagħhom bħaċ-chewing gum.

Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (5) Anke’ Machiavelli kien jistħi

 Meta Lawrence Gonzi għamel il-proposta oriġinali illi d-divorzju jkun soġġett għal referendum huwa iġġustifika ruħu billi qal li l-ebda wieħed mill-partiti fil-Parlament ma kellu l-mandat elettorali fuq il-materja. Kien qal kliem fis-sens li mhux sewwa illi l-Parlament japprova leġislazzjoni li dwarha l-poplu ma kellux ċans jesprimi ruħu.

Il-pjan dakinnhar kien illi jekk il-Parlament japprova l-liġi tad-divorzju proposta minn JPO, qabel ma din tidħol fis-seħħ kien meħtieġ li jkun hemm referendum biex dak li jkun approva l-Parlament jesprimi ruħu fuqu l-poplu.

Alternattiva Demokratika dakinnhar qalet li ma taqbilx li deċiżjoni dwar drittijiet ċivili jkunu soġġetti għal referendum. Għax dawn huma drittijiet ta’ minoranzi li għandhom ikunu affermati anke’ jekk il-maġġoranza ma tkunx trid.

Lawrence Gonzi dakinhar skandalizza ruħu kif seta’ jkun hawn xi ħadd f’dan il-pajjiż li ma jaqbilx mal-użu tal-għodda demokratika tar-referendum.

Joseph Muscat għamel il-kontijiet u rrealizza li Gonzi kien qed jipprova jaħdmu. Għax ir-referendum li ried Gonzi kien isir biss jekk il-Parlament japprova l-liġi tad-divorzju proposta minn JPO. Muscat kien jaf li kien hemm numru ta’ Membri Parlamentari Laburisti li kienu kontra l-proposta ta’ JPO u Varist Bartolo. Dan il-fatt kien jassigura li l-pjan ta’ Gonzi jaħdem u r-referendum għalkemm imwiegħed  ma jkunx jista’ jsir.

Il-manuvri interni fil-Partit Laburista wasslu biex minflok ma Gonzi ħadem lil Muscat, għal darba Muscat ħadem lil Gonzi (bil-għajnuna ta’ JPO u Jesmond Mugliette). Għax il-Parlament approva mozzjoni imressqa mill-Kap tal-Opposizzjoni li l-ewwel immorru għal referendum, u mbagħad, wara, jekk dan ikun approvat, tkun tista’ tibda d-diskussjoni fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ JPO u Varist Bartolo.

Issa Muscat kien jaħseb li r-referendum m’hux ser jgħaddi . Ta’ l-anqas hekk stqarr f’wieħed mill-edizzjonijiet ta’ Inkontri immexxi min Joe Grima fuq Super One

Issa billi r-referendum approva d-dħul tad-divorzju f’Malta, dak li Gonzi u Muscat ilhom jipposponu irid jiġi ffaċċjat.

Muscat u l-parti l-kbira tal-Opposizzjoni jidher li ser jivvutaw favur (Marie Louis Coleiro ser tastjeni u Adrian Vassallo ser jivvota kontra). Carmelo Abela taż-Zejtun, to his credit iddeċieda li jbaxxi rasu għar-rieda popolari u ser jivvota favur.

Il-backbench tal-Gvern imħawwad. Skond Beppe Fenech Adami qed jitkellem waħdu. Ma jafx x’ser jaqbad jagħmel. Jekk tissejjaħ division l-ewwel isem min-naħa tal-Gvern li jissejjaħ hu dak tal-Onor David Agius. Ikollu jiddeċiedi waħdu x’ser jagħmel. Għax ma jistax jagħmel bħal ta’ qablu. Għax dak li jiġi qablu alfabetikament hu l-MP tal-Labour Carmelo Abela. Għalhekk din il-ġimgħa kiteb fin-Nazzjon u qal li ser jivvota  favur.

Dawk li qed jgħidu li ser jivvutaw kontra qed iwaħħlu fil-kuxjenza. Lil dawn jiena ngħidihom li l-kuxjenza issa ma tidħolx. Il-kuxjenza kellha sehem importanti sakemm il-Parlament iddeċied li jaħsel idejh bħal Ponzu Pilatu u flok ma jieħu deċiżjoni huwa talab lill-poplu jespimi ruħu f’referendum.

Il-kuxjenza kienet importanti nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju.

Imma malli ħareġ ir-riżultat tar-referendum issa m’huwiex iżjed kaz ta’ kuxjenza iżda tal-kredenzjali demokratiċi tal-membri parlamentari. Min m’huwiex lest li jivvota IVA  dwar il-liġi tad-divorzju qed juri disprezz lejn il-volonta tal-poplu u m’huwiex kapaċi jkun rappreżentant tal-poplu fil-Parlament.

L-għażla hi waħda sempliċi jew jivvutaw IVA kif ġew inkarigati jagħmlu mill-poplu permezz tar-referendum inkella jirreżenjaw. L-appoġġ għall-volonta’ popolari trid tkun totali, bla kundizzjoni.  Hekk intqal fl-2003 meta sar ir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dakinnhar konna korretti. Hekk ukoll għandu jingħad u jsir illum.

Bil-gabrijoli bil-kuxjenza li qed jagħmlu Gatt, Gonzi u l-bqija naħseb li anke Machiavelli kien jistħi !

Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (4) Flimkien kollox possibli

Il-kampanja referendarja favur id-divorzju kellha l-appoġġ ta’ persuni ta’ kull kulur politiku.

Għalkemm Alternattiva Demokratika kienet l-uniku partit politiku illi esprima ruħu bla riżervi favur l-introduzzoni tad-divorzju sa mill-1989, irid ikun rikonoxxut li l-Partit Laburista kien kważi hemm ukoll. Il-Labour kien f’posizzjoni skomda għax bħala partit ta’ massa ma riedx igerrex lil dawk li jappoġġawh iżda ma jaqblux mad-divorzju. F’dan is-sens id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Kap tal-Opposizzjoni favur id-divorzju rinfurzati minn dikjarazzjonjiet simili mingħand diversi membri parlamentari laburisti għenu mhux ftit biex l-IVA jirbaħ ir-referendum.

Minkejja li l-PN iddikjara ruħu kontra d-divorzju, numru kbir ta’ partitarji nazzjonalisti injoraw dan il-fatt u għamlu ta’ rashom: appoġġaw l-IVA u ftaħru fil-pubbliku li għamlu dan. Speċi ta’ ħassew sodisfazzjon mhux biss li kienu qed jivvutaw favur id-divorzju talli fuq kollox kienu qed jagħtu daqqa ta’ sieq lill-element konfessjonali fil-PN.

Il-moviment favur l-IVA twieled f’dan is-sens ta’ spirtu ta’ kollaborazzjoni bejn persuni ta’ fehmiet politiċi differenti iżda bi skop identiku. L-identifikazzjoni flimkien ta’ Evarist Bartolo mill-Partit Laburista, Jeffrey Pullicino Orlando mill-PN flimkien ma’ Michael Briguglio uYvonne Arqueros Ebejer minn AD kienet okkazzjoni ftit rari f’dan il-pajjiż. L-eliminazzjoni  tal-fruntieri li jifirdu fil-bidu nett tal-kampanja referendarja kien messaġġ li rari nisimgħu fil-politika Maltija.

Huwa eżempju prattiku ta’ kif tista’ issir il-ħidma politika. Dak li huwa rari f’Malta f’pajjżi oħra jiġri iktar spiss għax jeżistu konverġenzi fuq diversi materji. B’sens ta’ rieda tajba m’għandi l-ebda dubju li hu possibli li jinħolqu ħafna iżjed opportunitajiet ta’ kif flimkien kollox huwa possibli.

Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (2) għall-kwiet fil-Messiku

llpup iebsin ta’ nagħaġ. Briganti. Hekk qalilna l-Isqof t’Għawdex lilna lkoll, il-Kattoliċi favur id-divorzju. Diskors li impressjona ħafna lill-merħla tiegħu li  68% minnha qablet miegħu. Imma l-bqija tal-pajjiż irvella għal dawn l-insulti. Għax mhux kulħadd nagħġa. Kollha għandna moħħ u l-parti l-kbira minna kapaċi nagħmlu użu minnu.  

X’jiswa li fl-aħħar minuti tal-kampanja referendarja tintalab apoloġija jew biex nuża kliem l-Arċisqof Cremona “infittxu r-rikonċiljazzjoni” jekk hu ċar li m’hemmx l-iċken intenzjoni li wieħed jirrimedja? Għax issa l-Isqof t’Għawdex ġie rappurtat li qal waqt pontifikal fil-Munxar li m’għandu l-ebda dispjaċir, u jekk meħtieġ jirrepeti dak li għamel u qal.  

Sfortunatament l-Isqof t’Għawdex jittratta lill-fidili ta’ nagħaġ mhux ta’ bnedmin li jafu jaħsbu u jixtarru. Nissuġġerilu li joqgħod ftit fis-skiet kif kien tal-parir Dun René Camilleri:  biex forsi fis-skiet u l-ġabra jagħraf ftit dak li s’issa għadu ma indunax bih. Imbagħad forsi jaħsibha xi ftit differenti. Jista’ jkun li  għandu bżonn ftit riflessjoni fil-kwiet bħal dik li ntbagħat jagħmel Patri Mark Montebello ġewwa l-Messiku.

Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (1) Mhux biss iċ-ċikkulata

53.16% tal-Maltin bid-dritt tal-vot ivvutaw favur l-introduzzjoni tad-divorzju. Ċifra li ssorprendiet avolja l-IVA kienet kważi dejjem ftit fuq quddiem fis-sondaġġi li saru. Id-distakk fil-fatt kien ikbar milli kien mistenni.

In-nies ivvutat favur is-solidarjeta ma min għandu żwieġ li ma rnexxiex. Ivvutat kontra l-imposizzjoni ta’ valuri tradizjonali fuq kulħadd. Fuq kollox in-nies minkejja t-theddid ivvutat favur il-pluraliżmu tal-ideat u tal-valuri. Mhux kulħadd jaqbel ma dan. L-establishment insista li nibqgħu kif aħna. In-nies irrifjutat.

L-adulti għandhom id-dritt li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom. Ma tiddeċidix għalihom la l-Knisja u l-anqas l-istat. Għax il-pluraliżmu mhux biss għax-xandir. Id-dritt tal-għażla mhux biss għaċ-ċikkulata jew it-toothpaste.

Malta toħroġ mill-Medju Evu

Bl-approvazzjoni tal-mistoqsija referendarja biex tiġi introdotta liġi dwar id-divorzju responsabbli Malta issa ħarġet mill-Medju Evu.

Iktar minn53% ta’ dawk li ivvutaw ma tawx każ ta’ theddid, insulti u misinformazzjoni.

Malta tista’ tieħu nifs ġdid billi tibda taħseb bis-serjeta’ f’separazzjoni bejn Knisja u stat.