Category Archives: Farrugia Jean Pierre

Lenti fuq ir-rewwixta : 1) Il-karrotti

Ir-rewwixta li għaddejja bħalissa fil-Parlament fil-fehma tiegħi taf il-bidu tagħha  lir-rwol sekondarju li għandu l-backbench fuq in-naħa tal-Gvern.

Kellna diversi membri parlamentari li kienu kritiċi tal-Gvern tul din il-leġislatura, b’kull wieħed minnhom iżid id-doża. Jesmond Mugliette, Jean Pierre Farrugia, Robert Arrigo, Jeffrey Pullicino Orlando u dan l-aħħar xhur Franco Debono. Ftit li xejn kien hemm komuni bejniethom. Ilkoll ġejjin minn distretti differenti. Kuntrarjament għal li jiġri fil-Parlament ta’ diversi pajjiżi Ewropej jidher li ma kien hemm l-ebda koordinazzjoni bejniethom. Kulħadd ħadem għal rasu. Li ħadmu flimkien ir-riżultati kienu jkunu differenti u iżjed posittivi.

L-ewwel riflessjoni hi dwar ir-rwol tal-backbench.  Tradizzjonalment dan kien meqjus bħala il-qaddej fidil tal-front bench, iħejji ruħu sa ma jingħoġob biżżejjed biex jieħu promozzjoni ħalli jkun jista’ jservi lit-tmexxija.

Il-ħolqien tal-grad ta’ Assistent Parlamentari, l-ekwivalenti tal-Parliamentary Private Secretary fil-House of Commons, jiena nqiesu f’din id-direzzjoni.  Karrotta u sarima fl-istess ħin tant li kien hemm min ma aċċettax il-ħatra ta’ Assistent Parlamentari.

Karrotti oħra li tqassmu kienu postijiet eżekuttivi bħalma huma c-Chairmanship ta’ Kunsill tax-Xjenza u t-Teknoloġija u c-Chairmanship tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini.

Dan kollu huwa aljenazzjoni mill-funzjoni vera tal-membri parlamentari li hi li jissorveljaw il-ħidma tal-Gvern billi kontinwament jitolbuh jagħti kont ta’ egħmilu.

Dak li għamlu Mugliette, Farrugia, Arrigo, Pullicino Orlando u Debono. Setgħu għamluh aħjar, imma jekk iħarsu lejn il-ħidma ta’ dawk li ġew qabilhom ftit li xejn isibu x’jispirhom.

Ir-rewwixta qegħdet il-pedament għal backbench attiv li jirrifjuta li joqgħod kwiet, bil-karrotti jew mingħajrhom.

(darba oħra : 2. Il-lealta’)

Ħawwadni ħa nifhem

 

Iktar ma nisma’ lil Franco Debono jitkellem huwa dejjem iktar ċar li filwaqt li għandu raġun fuq diversi affarijiet għażel  l-għodda żbaljata.

Huwa fl-opinjoni tiegħi żbaljat li jagħżel li jwaqqa’ Gvern minħabba li ma jaqbilx mar-reshuffle li għamel Lawrence Gonzi. Mhux Franco biss għandu l-fehma li hemm Ministri li mhux posthom fil-Kabinett. U din la hi l-ewwel darba li ġrat u naħseb l-anqas l-aħħar darba.

L-għodda addattata għal dan hu l-kritika tal-ħidma żbaljata ta’ uħud mill-Ministri. Imma mbagħad il-kritika trid tkun waħda konsistenti. Ma jagħmilx sens Franco li tikkritika l-ħidma ta’ Austin Gatt imbagħad tastjeni fuq mozzjoni ta’ sfiduċja dwaru. Li dakinnhar ivvutajt biex ikun sfiduċjat Austin Gatt kont tkun korrett u l-azzjoni tiegħek kienet tkun waħda proporzjonata.

Dwar il-€500 fil-ġimgħa inti ukoll korrett. Imma anke hawn għażilt li timxi b’mod żbaljat. Meta l-kollega tiegħek Jean Pierre Farrugia kien kritiku tad-deċiżjoni tal-Kabinett kien waħdu fil-kritika kostruttiva li għamel. Li tkun kritiku ta’ din il-miżura sena wara naħseb li hu opportunistku

Austin taħt il-lenti (4)

 

(4)  Wara l-vot fil-Parlament

Wara diskussjoni maratona ta’ ħdax-il siegħa il-bieraħ fil-Parlament tajjeb li nirriflettu ftit fuq dak li ġara.

Il-kritika fil-beraħ bejn membri tal-istess partit hi leċta? Li hu żgur hu li hi rari f’dan il-pajjiż u għaldaqstant min jagħmilha ħafna drabi jħarsu lejħ bl-ikrah.

Il-kritika kostruttiva fil-Parlament hi nieqsa. Hemm bżonnha iktar spiss. Sfortunatament hi interpretata bħala sinjal ta’ djgħufija. Fir-realta’ jekk issir sew u mod regolari issaħħaħ lil min jagħmilha. Issaħħah ukoll lil dawk li lejhom tkun indirizzata għax għandha l-potenzjal li ssaffi l-istitutzzjonijiet.

Il-kontribut li taw fil-Parlament matul din il-leġislatura Membri Parlamentari bħal Franco Debono, Jeffrey Pullicino Orlando, Jean Pierre Farrugia u Jesmond Mugliette hu imprezabbli li kieku l-Partit Nazzjonalista kapaċi jitgħallem minn din l-esperjenza. Imma sfortunatament m’huwiex kapaċi jitgħallem u dan kif jixhdu d-deċizjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN kemm dwar id-divorzju kif ukoll iktar kmieni din il-ġimgħa dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Austin Gatt.

Il-Parlament, sfortunatament rari ħafna jgħarbel bis-serjeta’ l-ħidma tal-Gvern. Per konsegwenza l-kontabilita’ tal-Gvern lejn il-Parlament m’hemmx min jesiġi li sseħħ. Dan jista’ jinbidel jekk l-ispazju li qed ifittxu l-membri parlamentari li semmejt iktar il-fuq jitħallew jokkupawh.

Hekk biss il-Parlament ikun jista’ jaqdi l-funzjoni vera tiegħu.