Category Archives: Leader of the Opposition

Fil-Parlament għada t-Tnejn: mera għal Lawrence Gonzi

mirror

Għada t-Tnejn 10 ta’ Diċembru 2012, Lawrence Gonzi, Prim Ministru, b’diskorsu, jġib fi tmiemu l-ewwel fażi tad-diskussjoni dwar il-budget ghall-2013. L-oratorija m’hiex ser tonqos imma s-sustanza wisq nibża’ li ser terġa’ tkun assenti.

Ser iwieġeb dak li qal il-Kap tal-Opposizzjoni, li l-anqas hu ma qal kull ma kien jeħtieġ li jingħad. Lawrence Gonzi ser jipprova jfissrilna kif inhu meħtieġ li l-inċertezza li hawn fil-pajjiż tinqata’ billi jkun approvat il-budget.

Lawrence Gonzi iwaħħal f’kulħadd talli l-inċertezza mhux biss nibtet imma firxet l-għeruq tagħha fil-fond. Jaħseb li hu biss m’għandu l-ebda ħtija. Kulħadd għandu l-obbligu li jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu, jgħid. Imma dawk ta’ madwaru huma esklużi.

Din kienet leġislatura ħażina sa minn l-ewwel jum: għandha fuqha s-saħta tal-Mistra. Saħta li titfa d-dell fuq iż-żewġ naħat tal-Parlament.

Is-saħta tal-Mistra qegħda fuq Lawrence Gonzi għax fl-iskandlu tal-Mistra ipprova jgħatti l-iżbalji u ma kellux il-kuraġġ morali li jgħid li JPO kien żbaljat. Ipprova jpinġieh bħala vittma meta l-vittma vera kienet il-komunita’. Konmunita’ li suppost kellha istituzzjoni maħluqa apposta biex tiddefendiha – il-MEPA. Minflok  iżda din il-MEPA kienet kompliċi u għażlet li tiddefendi l-istupru tal-pajjiż.

Is-saħta tal-Mistra qegħda fuq Joseph Muscat ukoll.  Il-predeċessur tiegħu Alfred Sant kien iddeskriva lil JPO bħala morally and politically corrupt.  Imma Muscat ma ħass l-ebda skruplu biex jinqeda bih.

Hekk ġara fil-każ tal-barriera li Gonzi u RCC riedu li titħaffer quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann. Hekk ġara ukoll fuq il-mozzjoni biex il-Parlament iddikjara li m’għandux fiduċja f’RCC.

Id-dnub ma jorqodx u jidher li qed joqrob żmien il-kontijiet.

Il-konfront ta’ Gonzi ma Franco Debono hu żejjed għal partit li diġa qiegħed jegħreq. Kien hemm mument partikolari iżda li kien hemm possibilita’ li l-affarijiet ma jikkumplikawx ruħhom. Kienu ippreżentati quddiem il-Parlament żewġ mozzjonijiet.

L-ewwel mozzjoni kienet ippreżentata minn Franco Debono innifsu u kienet kritika tal-politika tal-Gvern ta’ Gonzi dwar il-Ġustizzja u l-Intern. Kritika qawwija u kienet tieqaf hemm.

It-tieni mozzjoni kienet ippreżentata minn Jose’ Herrera u Michael Falzon: barra li kienet tikkritika l-politika tal-Gvern dwar il-Ġustizzja u l-Intern kienet tipproponi ukoll vot ta’ ċensura fil-Ministru Carm Mifsud Bonnici.

Gonzi għażel li jpoġġi fuq l-agenda tal-Parlament il-mozzjoni tal-Opposizzjoni u ħalla fuq l-ixkaffa l-mozzjoni ta’ Franco Debono. Jiġifieri għamel għażla favur mozzjoni b’konsegwenzi negattivi u warrab mozzjoni li kienet tikkritikah u tieqaf hemm.

Nafu fejn wasslet din l-għażla. B’għażla ta’ Gonzi l-Parlament spiċċa sfiduċja lil Mifusd Bonnici. Deċiżjoni li Gonzi seta’ jevita imma ma riedx. Għaliex għamel hekk hu jaf.

Meta Gonzi jħares fil-mera ma jara l-ebda sinifikat fil-każ ta’ korruzzjoni ta’ Noel Borg Hedley (ex-Segretarju Privat tal-Ministru Tonio Fenech) li fil-Qorti ammetta akkużi ta’ korruzzjoni mill-iżviluppaturi JPM Brothers.

Il-fjask tal-Arriva bir-responsabbilta’ politika dwaru li kellu jinġarr minn Austin Gatt l-anqas ma kellu sinifikat għal Gonzi meta jħares fil-mera.

Issa  ħarġet oħra. Fir-rapport tal-Awditur Nazzjonali l-inkompetenza fl-amministrazzjoni finanzjarja tal-kumpanija tal-Gvern Wasteserve hi imfissra fid-dettall. L-iktar li jispikka hu dak il-kuntratt ta’ miljun euro li spiċċa jissarraf f’kuntratt ta’ disgħa u għoxrin miljun euro. Qiesu ma ġara xejn. Is-sejħa biex George Pullicino jerfa’ r-responsabbilta’ politika u jwarrab ma tfisser xejn.

Quddiem dan kollu it-talba ta’ Gonzi biex il-budget ikun approvat tistona. Għax il-vot fuq il-budget mhux biss vot favur budget rigressiv imma hu ukoll vot favur Gvern li hu moralment zopp. Gvern li jrid lil kulħadd jimxi sewwa imma hu mhux kapaċi jagħti l-eżempju. Għax repetutament irrifjuta li jerfa’ r-responsabbilta politika ta’ għemilu.

X’ser jiġri għada jiena ma nafx. Naf iżda ħaga waħda: li l-Gvern wasal sa hawn għax Lawrence Gonzi ma kienx kapaċi japplika għalih il-kejl li bih hu jkejjel lil ħaddieħor.

Il-Partit Nazzjonalista ġustament qed jitlob li l-Imħallef Lino Farrugia Sacco jirreżenja. Jekk il-PN japplika l-istess kejl għall-Kabinett ta’ Lawrence Gonzi m’għandix dubju li jinbidlu l-Ministri kollha, Gonzi innifsu inkluż!

Sqaq San Filep

 

Wara żmien twil bi ftit li xejn informazzjoni dwar l-isptar ta’ San Filep, matul din il-ġimgħa kellna indiġistjoni.  L-informazzjoni iżda ħarġet bit-tabuxù għax il-Gvern jagħtiha biċċa biċċa. Kif u meta jaqbillu. Qatt biex jinforma.

Is-serjeta’ kienet titlob mod ieħor. Imma s-serjeta’ m’hiex kwalita’ tal-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi.

Kif anke deher waqt id-dibattitu ta’ nhar it-Tnejn li għadda fil-Parlament hemm ħafna affarijiet li m’humiex ċari u għaldaqstant huwa meħtieġ analiżi twila u dettaljata tal-konsiderazzjonijiet kollha li wasslu għall-ftehim bejn il-Gvern u l-kumpanija ta’ Frank Portelli l-Good Shepherd Group Limited, is-sid tal-isptar.

L-ewwel ħsieb imur fuq is-sit innifsu. Għaliex l-Isptar San Filep?

It-tweġiba m’hiex waħda sempliċi. Id-diskussjonijiet kienu ilhom sejrin minn ftit wara l-elezzjoni tal-2008. Ħadd ma qal xejn għal żmien twil. Dak li kien qed jiġri rriżulta minn sentenza mogħtija mit-Tribunal għat-Talbiet Żgħar nhar l-4 t’Ottubru 2012 fil-każ bejn Icon Studios Ltd u Good Shepherd Group Limited. Fil-paragrafu 7 tal-konsiderazzjonijiet tat-Tribunal jingħad li Dr Frank Portelli nhar l-1 ta’ Marzu 2010 semma n-negozjati li huwa kellu mal-Gvern u li kienu ilhom għaddejjin għal 18-il xahar. Il-każ quddiem it-Tribunal kien dwar ħlas konness mad-disinn ta’ website tal-Isptar San Filep mill-kumpanija ta’ Dr Ġeġe Gatt, iben Austin Gatt.

Issa 18-il xahar qabel l-1 ta’ Marzu 2010 jfisser Settembru 2008!  Dan ifisser li n-negozjati ilhom sejrin 4 snin. Bdew ftit wara l-elezzjoni ġenerali tal-2008.

In-negozjaturi ghan-nom tal-Gvern kellhom jikkunsidraw jekk il-pjanijiet tal-Gvern għal sptar ta’ Riabilitazzjoni ta’ madwar 280 sodda setgħux jitwettqu f’dan is-sit ta’ 75 kamra b’110 sodda. Il-ħtieġa li l-kapaċita tal-Isptar tiżdied għal iktar minn darbtejn u nofs tista’ tikkunsidraha billi l-ewwel tħares lejn il-potenzjal tas-sit u wara tara mal-MEPA jekk din il-possibilita tistax titwettaq.

Meta tkellem fil-Parlament il-Ministru Tonio Fenech ma ta’ l-ebda assigurazzjoni dwar jekk il-MEPA tistax toħroġ permess ta’ din ix-xorta. Għamel sewwa, għax jiena naħseb li hu diffiċli ħafna għall-MEPA li toħroġ permess bħal dan. L-issue tal-parking diġa issemmiet fil-Parlament mill-Kap tal-Opposizzjoni: li żżid il-parking b’iżjed mid-doppju m’huwiex faċli f’sit li hu ristrett. Ma dan trid taħseb biex iżżid il-faċilitajiet kollha biex il-kapaċita’ tagħhom tkun addattata għad-daqs ġdid tal-isptar. Jiena naħseb li dan ser ikun diffiċli ħafna. Naħseb li l-anqas jekk l-isptar jitwaqqa’ u jsir disinn mill-ġdid ma jista’ jinħoloq disinn aċċettabbli minħabba li is-sit hu wieħed ristrett!

Meta tqabbel din id-diffikulta’ mal-flessibilita’ sostanzjali li joffri l-Isptar San Luqa, t-team tan-negozjaturi u l-konsultenti tagħhom mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għandhom ħafna x’jisjegaw. Għax jekk diġa jidher ċar x’diffikultajiet hemm għalfejn tibda l-mixja f‘dak l-isqaq ?  Sqaq li fi żmien tlett snin jista’ jfisser li l-proċess ikollu jerġa’ jibda mill-ġdid b’ħela ta’ ħafna żmien u fondi pubbliċi.

It-tieni punt li rrid nagħmel hu dwar il-fatt li meta l-Gvern għażel li jikkonsidra l-Isptar San Filep immedjatament eskluda l-alternattivi l-oħra kollha li seta kien hemm.

Eskluda l-iSptar San Luqa li dwaru jidher li sar studju dettaljat, skond ma qal il-Ministru Cassar. Dan l-studju identifika li għall-isptar kollu l-ispiża ta’ refurbishment kienet ser tigi tiswa’ ftit inqas minn €40 miljun. Issa biex jinħoloq Sptar ta’ Riabilitazzjoni ta’ 280 sodda m’hemmx bżonn tal-Isptar San Luqa kollu iżda biss parti minnu. Meta tqis id-dewmien ta’ 4 snin negozjati mill-2008 lil hawn (u min jaf kemm ser indumu iktar) hu ċar li kieku ittieħdet id-deċiżjoni favur l-Isptar San Luqa mill-ewwel fl-2008, l-isptar ta’ riabilitazzjoni ilu lest u jiffunzjona għal tlett snin. B’deċiżjoni bħal din favur l-iSptar San Luqa  l-pazjenti kieku ilhom li emigraw għal  faċilitajiet aħjar mill-kurituri tal-isptar Mater Dei.

Waqt id-dibattitu Parlamentari ta’ nhar it-Tnejn issemmiet ukoll il-possibilita li hemm sidien ta’ lukandi  li kienu interessati li jipproponu illi l-lukanda tagħhom tkun konvertita għall-użu ta’ sptar ta’ riabilitazzjoni. Jiena naħseb li proposta ta’ din ix-xorta toffri diffikultajiet daqs is-sit tal-isptar San Filep  kemm għall-parkeġġ kif ukoll biex tipprovdi l-faċilitajiet kollha meħtieġa. Pero’ qabel ma tara l-proposta u tkun konxju ta’ dak li qed ikun offrut ma tistax tifforma opinjoni definittiva.

Meta nqis kollox naħseb li l-unika proposta sura hi li jintuża l-Isptar San Luqa.

Il-problema ma  ħoloqiex Frank Portelli li iddiskuta ma min kien interessat li jixtri l-isptar tiegħu. Ħoloqha l-Gvern li mexa ħażin mingħajr ma qies sewwa u bir-reqqa l-ftit riżorsi li suppost qiegħed jamministra.

Fid-dawl ta’ dan kollu jagħmel sens li min ħa d-deċiżjonijiet jiġi mgħarbel sewwa qabel ma jkun iffirmat il-kuntratt.   Għalhekk hu meħtieġ li l-Parlament jiċċaqlaq.

published in Illum, Sunday 21st October 2012

L-isptar St Philip’s : l-iskrutinju neċessarju qabel l-iffirmar

 

Hemm ħafna iktar x’jingħad dwar l-isptar St Philip’s. Id-diffikulta imma hi li qabel ma jingħad irid ikun possibli li jkun hemm aċċess għad-dokumentazzjoni kollha.

Hi neċessarja d-dokumentazzjoni dwar l-isptar innifsu.  Dan hu sptar ta’ 75 sodda jew ta’ 110-il sodda? Il-permess li l-Awtorita’ tal-Ippjanar ħarġet fl-1994 jidher li kien għal 75 kamra imma matul iż-żmien jidher li l-isptar ġie utilizzat b’mod biex ikun jista’ jakkomoda iżjed pazjenti. Jekk dan hu minnu, kif argumenta l-Kap tal-Opposizzjoni l-bieraħ,  anke’ għad-daqs eżistenti tal-isptar diġa hemm problema ta’ parkeġġ għall-istaff mediku u paramediku kif ukoll għal dawk li jżuru l-isptar. Jekk l-isptar jitkabbar din il-problema ta’ parkeġġ tkun ferm ikbar dejjem sakemm ma jkunux ikkunsidrati tibdiliet sostanzjali fid-diżinn tal-isptar.  Dan ikun ifisser spejjes sostanzjali li jibdlu kompletament il-kalkoli li jidher li saru s’issa.

Hu neċessarju ukoll li jekk veru li ngħatat opinjoni mill-MEPA li din tista’ tikkunsidra talba għall-estensjoni din l-opinjoni għandha tkun magħrufa. Dan hu meħtieg l-ewwel nett biex isir magħruf jekk hux veru li hemm tali opinjoni w it-tieni biex jekk l-opinjoni teżisti jkunu magħrufa l-parametri  w l-limitazzjonijiet ta’ tali opinjoni.

Jiena l-pjanti tal-isptar ma rajthomx. Imma mort fuq is-sit u ma naħsibx li hu possibli li jkun hemm żidied sostanzjali. Dan minħabba l-mod kif inhu iddiżinjat il-bini li hu imtarraġ biex jiffaċilita l-użu ta’ dawl naturali fil-kmamar tal-pazjenti. Żidiet fil-parti l-mibnija tal-isptar toħloq diversi diffikultajiet. Għaldaqstant diffiċli nifhem kif xi ħadd seta’ ta’ l-parir li estensjoni tal-isptar hi possibli. Mad-daqqa t’għajn l-opinjoni tiegħi hi li estensjoni m’hiex possibli.

Għal dan biss ukoll hu neċessarju li l-iskrutinju jsir immedjatament. Naħseb li skrutinju tad-dokumentazzjoni fuq dan biss ukoll iwassal għal konklużjoni li l-Gvern m’għandux jipproċedi bil-ftehim.

Tislima lil Joe Falzon

Illum ħarġet l-aħbar li l-Perit Joe Falzon ser jispiċċa mill-kariga ta’ Uffiċjal tal-Verifika tal-MEPA wara l–aħħar tax-xahar li qegħdin fih.

L-istorja hi waħda twila. Imma fil-qosor bdiet madwar 5 snin ilu fis-sajf tal-2007. Dakinnhar Joe Falzon kien għadu kif inħatar għat-tieni darba bħala Uffiċjal tal-Verifika. Meta reġa’ daħal fl-uffiċċju kien sab li l-assistent tiegħu, li kont jien, meta spiċċalu l-kuntratt ma kienux ġeddewhulu. Kienet qamet polemika fejn jiena kont akkużat li kelli konflitt ta’ interess.

Ara per eżempju dan l-artiklu tas-17 ta’ Ġunju 2007 u dan l-artiklu l-ieħor tal-24 ta’ Ġunju 2007 liema artikli ġew ippubblikati t-tnejn fit-Times.

Bħala konklużjoni tal-argumenti li kienu nqalgħu dwar id-dritt li kellu l-Perit Falzon li jaħtar l-assistenti tiegħu, u per konsegwenza jassigura l-indipendenza tal-operat tiegħu l-Ombudsman kien ippropona li l-funzjoni tal-Uffiċċju tal-Verifka kellha tgħaddi fl-uffiċċju tiegħu.

Meta evenentwalment saret l-emenda fil-liġi din kienet tipprovdi illi l-ħatra l-ġdida (Kummissarju dwar l-Ambjent jidhirli) kellha issir bi qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Opposizzjoni. Imma f’kaz li ma jkunx hemm qbil il-ħatra kellu jagħmilha l-Ombudsman.

Minn dak li hu magħruf s’issa jidher li l-Prim Ministru u l-Kap tal-Opposizzjoni ma qablux fuq min kellu jinħatar u l-Ombudsman għadda biex ħatar persuna huwa li ser jibda fil-ħatra fl-1 t’Awissu 2012.

Li sar ħażin kien li meta beda l-proċess li jdaħħlu fis-seħħ il-liġi l-ġdida lil Perit Falzon ma qalulu xejn. Ħallewh fil-għama u infurmawh fl-aħħar minuta!

Mal-Perit Falzon jiena ħdimt fil-qrib għal tlett snin sħaħ. Dejjem ħdimna bil-galbu u bir-reqqa u b’attenzjoni. Sfortunatament mhux talli mhux dejjem sibna l-kooperazzjoni talli ħafna drabi ħlief gambetti ma sibniex.

Il-PN jixraqlu aħjar

Mhux soltu li l-PN jidher imbenġel. Hekk deher iżda wara li, kif kien mistenni, l-Kumitat Eżekuttiv tiegħu ma approvax it-talba ta’ JPO biex ikeċċi lill-RCC mill-Partit Nazzjonalista.

Mingħajr sforz partikolari t-talba ta’ JPO kienet megħluba imma l-PN ma rebaħ  xejn. Fuq il-karta Gonzi rebaħ. Imma fir-realta’ kompla nieżel l-isfel b’ritmu iktar mgħaġġel.

Iktar ma jgħaddi żmien iktar qed jidher  ċar għal kulħadd li l-qagħda attwali tal-PN għandha l-egħruq tagħha fil-fatt li Lawrence Gonzi m’huwiex kapaċi jmexxi.

Gonzi jarmi n-nies bħal-lumi magħsur.  Dan hu l-għerq tal-clash bejn Gonzi u Jesmond Mugliette. Kien bagħtlu SMS biex jgħidlu li m’hemmx iżjed post għalih fil-Kabinett. Mhux mod kif tittratta lin-nies. Anke’ jekk hu veru li  Jesmond  Mugliette kien ftit għajjien bħala Ministru kien hemm mod ħafna iżjed ċivili kif jinfurmah li ma kienx ser jerġa’ jagħżlu bħala Ministru.

Il-każ tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann forsi mhux kulħadd jiftakru. Imma dakinnhar kien diġa beda jberraq. Diversi fil-PN ma kienux kuntenti bil-proġett ta’ RCC biex iħaffer barriera quddiem San Ġwann ġol-Belt u mbagħad jikkonverti din il-barriera bħala parti mill-Mużew tal-kon-katidral.

Dakinnhar JPO kellu opportunita’. Kienet tressqet mozzjoni minn Joseph Muscat Kap tal-Opposizzjoni u Gonzi xamm li Muscat kien ser ikollu l-appoġġ ta’ JPO. Dakinnhar Gonzi irtira l-proġett ftit qabel ma bdiet is-seduta tal-Parlament li kien ċar illi kienet ser tordnalu biex ma jkomplix.

Dakinnhar Gonzi evita telfa imma tbenġel ftit mhux ħażin. Sfortunatament ma tgħallem xejn.

Dan kollu seħħ fi Frar 2009, iktar minn tlett snin ilu: daqshekk ilu jberraq.

Qattajt 30 sena minn ħajti naħdem fil-PN, viċin dawk li dejjem appoġgawh mingħajr pretensjoni ta’ xejn. Lil dawk li ħadmu u għamlu s-sagrifiċċji personali kbar għal dak li jemmnu, Gonzi u dawk ta’ madwaru jagħtuhom bis-sieq. Il-partit nazzjonalista ntagħġen bis-sagrifiċċji ta’ bosta li llum mhumiex ikkalkulati. Dan kollu Gonzi ma jħossux għax meta n-nazzjonalist kien qed jaqla’ fuq wiċċu hu kien komdu. Tfaċċa fix-xena politika meta tfaċċat l-opportunita li seta jaħtaf bħal frotta misjura li taqa’ dritt f’idejk minn fuq is-siġra.

Naħseb li l-PN jixraqlu aħjar.

Parties in cahoots with squatters

Earlier this month, the Malta Environment and Planning Authority’s environment and planning commission, which deals with applications outside the development zone, turned down an application by Enemalta Corporation for the construction of a substation at L-Aħrax in the limits of Mellieħa. The planning directorate itself had recommended the refusal of this application.

This substation aimed at reinforcing the supply of electricity in L-Aħrax tal-Mellieħa with Enemalta effectively posting the message that the crime of taking over public property does pay.

While Alternattiva Demokratika and seven environmental NGOs opposed this application, both the Labour Party and the Nationalist Party have not uttered one single word on Enemalta’s attempt at ensuring that the squatters are adequately supplied with electricity. Clearly, the PN and the PL think that being silent is essential in view of their commitments to purchase votes through squatters taking over public property.

The PL and the PN have not taken up the challenge spelt out by the greens to go public on their position relative to the illegal development of boathouses at L-Aħrax tal-Mellieħa, that is at Armier, Little Armier and It-Torri l-Abjad.

During the Mepa reform exercise, the Prime Minister repeatedly emphasised that “ODZ is ODZ”, meaning that no development will be authorised or permitted outside the development zone unless really necessary.

Dr Gonzi tried to convey the message that his safe pair of hands would ensure that abusive development would now grind to a halt. Yet, on the eve of the 2008 general election, Dr Gonzi participated in secret meetings with the illegal boathouse lobby which considers that its members have some god-given right over the public land that they have taken hold of. The result of those meetings was a PN commitment to protect illegal development carried out before 1992 on public land.

At stake are 230 tumoli of land (26 hectares), which, since way back in 2003, on the eve of another election, the PN-led government had agreed to transfer to the squatters’ holding company, Armier Developments Limited. The agreement between the government and the squatters’ holding company indicates a lease for 65 years against payment of €366,000 per annum. To date, this agreement has not been submitted for Parliament’s approval in terms of the Disposal of Government Land Act.

The squatters also expected the PL to protect their illegal constructions, which agreement was forthcoming. The newsletter Il-Bajja, published by the squatters, in October 2007 had referred to a meeting with the then Leader of the Opposition, Alfred Sant. It said that he had promised to honour an earlier agreement with the squatters, which was entered into way back in 2002.

As far as is known, Joseph Muscat has not repudiated Labour’s agreement with the squatters.

During this legislature, Minister Jason Azzopardi has embarked on a crusade of evicting squatters from public property including clearing squares and pavements of encroachments by restaurants and open air cafés. His staff members were meticulous in ensuring that an extra chair or table not covered by a permit was removed forthwith.

While noting and acting on the odd chair or table, Dr Azzopardi has turned the Nelson’s eye to the large-scale use of public land by the squatters at L-Aħrax tal-Mellieha. In so doing, he has applied the policy of being strong with the weak and weak with the strong.

Former Minister Michael Falzon wrote in an article entitled They Never Heard Of Jason Azzopardi (Malta Today, February 15, 2009) that he (Mr Falzon) was not supported by his Cabinet colleagues when, as the minister responsible for land use planning, he tried to clean up the Mellieħa boathouse mess. He was left “to burn my fingers alone, nay, my palms, arms and body. The lack of support from my then Cabinet colleagues – let alone the then backbench – was overwhelming. I could almost hear them chant: ‘Burn, Michael, burn!’”

It is clear that the PN is committed to supporting the illegal development on public land. By being silent on the issue, Labour too supports the PN’s stand without any reservations.

This is the new politics of Labour and the PN: being in cahoots with the squatters in order to exchange votes for public land, which they have occupied illegally for years. It is an issue on which PL and PN policies converge!

The environmental NGOs campaigning for a resolution of the illegal development at L-Aħrax tal-Mellieħa undoubtedly understand that there is only one way through which the land used by the squatters is restored and returned to public ownership and use. This can only be achieved through the election of green members of Parliament. The others are committed to supporting the squatters as they have been doing throughout the years.

There is no other way. If you seek real change, voting green is the only option. The others are compromised.

published in The Times on Saturday January 21, 2012

Joseph Muscat …… daqsxejn baħnan?

 Dak li hu miżmum kunfidenzjali hu dejjem interessanti għal min m’għandux aċċess għalih.

Għalhekk meta b’kumbinazzjoni jew bi pjan informazzjoni kunfidenzjali tiġi f’idejn min għandu użu għaliha, jagħmel festa.

Hekk ġara mill-emails tal-BWSC li l-Partit Laburista ġustament għamel kapital politiku bihom. Hekk ġara mill-emails tal-qassis Joe Borg waqt il-kampanja referendarja dwar id-divorzju. Forsi tiftakru ukoll l-email ta’ Pawlu Borg Olivier, li bi żball spiċċat għand Jason Micallef flok Jason Azzopardi. Din ta’ l-aħħar kienet dwar kif il-PN ibill subgħajh fil-proċess tal-iproċessar tal-ilmenti li jirċievi l-Gvern.

Ir-realta’ hi li kull waħda minn dawn l-emails kellha importanza kbira għal min ġiet f’idejh. Min żelqitlu ma ħax pjaċir.

L-emails bejn il-Kap tal-Opposizzjoni u l-ġurnalista tal-RTK Sabrina Agius ma fihom xejn ta’ importanza partikolari per se. L-importanza tagħhom hu li tiddokumenta lill-politiku jikkultiva kuntatt fil-medja. Id-dokumentazzjoni ta’ dak li jagħmel ħaddieħor għadha ma ġietx fl-idejn. Forsi għax ħaddieħor makakk iktar. Inkella Joseph Muscat daqsxejn baħnan biex ipoġġi dan kollu fuq platt!

Is-siġġu ta’ Joseph Cuschieri u George Papandreou

Joseph Cuschieri bir-raġun kollu jrid is-siġġu tiegħu fil-Parlament Ewropew. Wara kollox għandu dritt għalih mhux biss għax ivvutawlu n-nies, iżda fuq kollox għax hu kien li ċeda postu lil Dottor Joseph Muscat fil-Parlament Malti.

Għamel tajjeb Joseph Cuschieri meta qal li l-Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi għandu jinsisti mal-Prim Ministru tal-Greċja George Papandreou biex il-Greċja ma tibqax tkaxkar saqajha u tapprova l-protokol li permezz tiegħu jkun possibli illi huwa (Cuschieri) jieħu postu fi Brussels.

 Veru li Cuschieri żgarra waħda kbira meta qal li Malta għandha (sakemm il-Greċja tapprova s-siggu tiegħu) timblokka l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea lill-Greċja biex din tkun tista’ tirpilja mill-kriżi finanzjarja li tinsab fiha frott il-korruzzjoni u t-tmexxija ħażina tul is-snin. Imma dak għamlu għax il-boy għadu ma jafx l-affarijiet sew miskin. Għadu qed jimmatura. U ngħiduha kif inhi, fil-Parlament Malti ma tantx kellu opportunitajiet biex jiftah ftit moħħu.  

Imma ngħid jiena George Papandreou imbarra Prim Ministru tal-Greċja mhux ukoll Mexxej tal-Partit Soċjalista Grieg?  U dawn mhux aħwa tas-Soċjalisti Maltin li illum isejħu ruħhom laburisti?

Ngħid jien ma jkunx għaqli li s-Sur Cuschieri jgħid lill-Kap tal-Partit Soċjalista Malti Dottor JosephMuscat biex jaqbad it-telefon u jkellem ftit lill-Kap tal-Partit Soċjalista Grieg  u jgħidlu biex jiċċaqlaq ftit? Jew forsi diġa ċempillu u injoraħ?

Forsi Joseph Cuschieri jgħidilna ftit, għax wara kollox huwa Dottor Joseph Muscat li l-iktar għandu jgħinu mhux hekk ? 

Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (5) Anke’ Machiavelli kien jistħi

 Meta Lawrence Gonzi għamel il-proposta oriġinali illi d-divorzju jkun soġġett għal referendum huwa iġġustifika ruħu billi qal li l-ebda wieħed mill-partiti fil-Parlament ma kellu l-mandat elettorali fuq il-materja. Kien qal kliem fis-sens li mhux sewwa illi l-Parlament japprova leġislazzjoni li dwarha l-poplu ma kellux ċans jesprimi ruħu.

Il-pjan dakinnhar kien illi jekk il-Parlament japprova l-liġi tad-divorzju proposta minn JPO, qabel ma din tidħol fis-seħħ kien meħtieġ li jkun hemm referendum biex dak li jkun approva l-Parlament jesprimi ruħu fuqu l-poplu.

Alternattiva Demokratika dakinnhar qalet li ma taqbilx li deċiżjoni dwar drittijiet ċivili jkunu soġġetti għal referendum. Għax dawn huma drittijiet ta’ minoranzi li għandhom ikunu affermati anke’ jekk il-maġġoranza ma tkunx trid.

Lawrence Gonzi dakinhar skandalizza ruħu kif seta’ jkun hawn xi ħadd f’dan il-pajjiż li ma jaqbilx mal-użu tal-għodda demokratika tar-referendum.

Joseph Muscat għamel il-kontijiet u rrealizza li Gonzi kien qed jipprova jaħdmu. Għax ir-referendum li ried Gonzi kien isir biss jekk il-Parlament japprova l-liġi tad-divorzju proposta minn JPO. Muscat kien jaf li kien hemm numru ta’ Membri Parlamentari Laburisti li kienu kontra l-proposta ta’ JPO u Varist Bartolo. Dan il-fatt kien jassigura li l-pjan ta’ Gonzi jaħdem u r-referendum għalkemm imwiegħed  ma jkunx jista’ jsir.

Il-manuvri interni fil-Partit Laburista wasslu biex minflok ma Gonzi ħadem lil Muscat, għal darba Muscat ħadem lil Gonzi (bil-għajnuna ta’ JPO u Jesmond Mugliette). Għax il-Parlament approva mozzjoni imressqa mill-Kap tal-Opposizzjoni li l-ewwel immorru għal referendum, u mbagħad, wara, jekk dan ikun approvat, tkun tista’ tibda d-diskussjoni fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ JPO u Varist Bartolo.

Issa Muscat kien jaħseb li r-referendum m’hux ser jgħaddi . Ta’ l-anqas hekk stqarr f’wieħed mill-edizzjonijiet ta’ Inkontri immexxi min Joe Grima fuq Super One

Issa billi r-referendum approva d-dħul tad-divorzju f’Malta, dak li Gonzi u Muscat ilhom jipposponu irid jiġi ffaċċjat.

Muscat u l-parti l-kbira tal-Opposizzjoni jidher li ser jivvutaw favur (Marie Louis Coleiro ser tastjeni u Adrian Vassallo ser jivvota kontra). Carmelo Abela taż-Zejtun, to his credit iddeċieda li jbaxxi rasu għar-rieda popolari u ser jivvota favur.

Il-backbench tal-Gvern imħawwad. Skond Beppe Fenech Adami qed jitkellem waħdu. Ma jafx x’ser jaqbad jagħmel. Jekk tissejjaħ division l-ewwel isem min-naħa tal-Gvern li jissejjaħ hu dak tal-Onor David Agius. Ikollu jiddeċiedi waħdu x’ser jagħmel. Għax ma jistax jagħmel bħal ta’ qablu. Għax dak li jiġi qablu alfabetikament hu l-MP tal-Labour Carmelo Abela. Għalhekk din il-ġimgħa kiteb fin-Nazzjon u qal li ser jivvota  favur.

Dawk li qed jgħidu li ser jivvutaw kontra qed iwaħħlu fil-kuxjenza. Lil dawn jiena ngħidihom li l-kuxjenza issa ma tidħolx. Il-kuxjenza kellha sehem importanti sakemm il-Parlament iddeċied li jaħsel idejh bħal Ponzu Pilatu u flok ma jieħu deċiżjoni huwa talab lill-poplu jespimi ruħu f’referendum.

Il-kuxjenza kienet importanti nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju.

Imma malli ħareġ ir-riżultat tar-referendum issa m’huwiex iżjed kaz ta’ kuxjenza iżda tal-kredenzjali demokratiċi tal-membri parlamentari. Min m’huwiex lest li jivvota IVA  dwar il-liġi tad-divorzju qed juri disprezz lejn il-volonta tal-poplu u m’huwiex kapaċi jkun rappreżentant tal-poplu fil-Parlament.

L-għażla hi waħda sempliċi jew jivvutaw IVA kif ġew inkarigati jagħmlu mill-poplu permezz tar-referendum inkella jirreżenjaw. L-appoġġ għall-volonta’ popolari trid tkun totali, bla kundizzjoni.  Hekk intqal fl-2003 meta sar ir-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Dakinnhar konna korretti. Hekk ukoll għandu jingħad u jsir illum.

Bil-gabrijoli bil-kuxjenza li qed jagħmlu Gatt, Gonzi u l-bqija naħseb li anke Machiavelli kien jistħi !

Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (4) Flimkien kollox possibli

Il-kampanja referendarja favur id-divorzju kellha l-appoġġ ta’ persuni ta’ kull kulur politiku.

Għalkemm Alternattiva Demokratika kienet l-uniku partit politiku illi esprima ruħu bla riżervi favur l-introduzzoni tad-divorzju sa mill-1989, irid ikun rikonoxxut li l-Partit Laburista kien kważi hemm ukoll. Il-Labour kien f’posizzjoni skomda għax bħala partit ta’ massa ma riedx igerrex lil dawk li jappoġġawh iżda ma jaqblux mad-divorzju. F’dan is-sens id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Kap tal-Opposizzjoni favur id-divorzju rinfurzati minn dikjarazzjonjiet simili mingħand diversi membri parlamentari laburisti għenu mhux ftit biex l-IVA jirbaħ ir-referendum.

Minkejja li l-PN iddikjara ruħu kontra d-divorzju, numru kbir ta’ partitarji nazzjonalisti injoraw dan il-fatt u għamlu ta’ rashom: appoġġaw l-IVA u ftaħru fil-pubbliku li għamlu dan. Speċi ta’ ħassew sodisfazzjon mhux biss li kienu qed jivvutaw favur id-divorzju talli fuq kollox kienu qed jagħtu daqqa ta’ sieq lill-element konfessjonali fil-PN.

Il-moviment favur l-IVA twieled f’dan is-sens ta’ spirtu ta’ kollaborazzjoni bejn persuni ta’ fehmiet politiċi differenti iżda bi skop identiku. L-identifikazzjoni flimkien ta’ Evarist Bartolo mill-Partit Laburista, Jeffrey Pullicino Orlando mill-PN flimkien ma’ Michael Briguglio uYvonne Arqueros Ebejer minn AD kienet okkazzjoni ftit rari f’dan il-pajjiż. L-eliminazzjoni  tal-fruntieri li jifirdu fil-bidu nett tal-kampanja referendarja kien messaġġ li rari nisimgħu fil-politika Maltija.

Huwa eżempju prattiku ta’ kif tista’ issir il-ħidma politika. Dak li huwa rari f’Malta f’pajjżi oħra jiġri iktar spiss għax jeżistu konverġenzi fuq diversi materji. B’sens ta’ rieda tajba m’għandi l-ebda dubju li hu possibli li jinħolqu ħafna iżjed opportunitajiet ta’ kif flimkien kollox huwa possibli.