Monthly Archives: March 2008

Ir-Riforma tal-MEPA : (3) Il-ħatriet

L-istrutturi n-nies iħaddmuhom. Fl-aħħar dawn l-istrutturi jaħdmu jew ma jaħdmux skond kemm ikunu kapaċi dawk fdati biex jamministraw.

Meta l-MEPA żdiedulha r-responsabbiltajiet ambjentali ma dawk dwar l-użu tal-art ma sar l-ebda sforz biex jitjieb is-setup tagħha.  Il-Bord tal-MEPA għadu kompost bl-istess mod  sal-lum.

Ir-riforma tal-MEPA għalhekk għandha tagħti iktar każ ta’ x’tip ta’ Bord teħtieġ kif ukoll il-mod li bih jinħatru dawk li jmexxu l-MEPA fil-livelli differenti tagħha.

L-ewwel tajjeb li nistaqsu jekk huwiex neċessarju li żewġ membri parlamentari jkunu membri tal-Bord tal-MEPA, jieħdu sehem fid-diskussjonijiet interni kollha u anke jivvutaw fejn meħtieġ dwar deċiżjonijiet li jittieħdu. Mhux aħjar li l-membri parlamentari josservaw milli jieħdu sehem ? Dwar dan iktar tard.

It-tieni huwa meħtieġ li l-membri tal-Bord ikunu nies ta’ integrita. Mhux biss, iżda jrid ikun ċar li fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum ma hemm xejn li jista’ jċajpar dan. Iktar l-isfel f’dan il-blog (ara post tas-7 ta’ Frar 2008) ktibt dwar każ ta’ użura u ex-membru tal-Bord tal-MEPA. Fil-Qorti ssemmew iktar minn Lm2 miljuni !

Issa jiena ma naħsibx illi min ħatar lil din il-persuna fil-Bord tal-MEPA kien konxju ta’ dawn l-affarijiet. Imma hemm bżonn li din l-informazzjoni tkun magħrufa minn qabel ma ssir il-ħatra. Għax min ikollu dawn il-problemi ma jistax jaqdi dmiru sewwa.

It-tielet : huwa meħtieġ li jkollhom il-kompetenza. Mhux neċessarju li jkunu periti. Kieku hawn biżżejjed jista’ jkunu professjonisti tal-ippjanar (planners) ukoll. Kien hemm  wisq periti fil-bordijiet tul dawn is-snin. Għandu jkompli jonqos in-numru ta’ periti membri tal-bordijiet tal-MEPA mhux biss minħabba li l-possibilta ta’ konflitt ta’ interess fil-każ tagħhom hi ikbar, iżda ukoll (u l-iktar importanti, fil-fehma tiegħi) minħabba li perit konvenzjonali jxaqleb wisq favur l-iżvilupp. Hemm bżonn li jinħatru ambjentalisti fil-bordijiet u l-iktar (iżda mhux biss) fejn jittieħdu deċiżjonijiet dwar permessi barra miż-żona ta’ żvilupp.  

Ir-raba’ : uħud mill-membri tal-Bord tal-MEPA illum jissejħu membri indipendenti, għax m’humiex impjegati fis-settur pubbliku. Oħrajn jinħatru minn fost l-impjegati tas-settur pubbliku. L-indipendenza li għandna nfittxu hija ta’ xorta oħra, dik tal-ħsieb, jiġifieri ta’ nies li ma jitmexxewx min imneħirhom. Jagħmel sens li jinħatru persuni bħala membri tal-Bord tal-MEPA uffiċjali pubbliċi ? Jiena naħseb li dan m’għandux jibqa’ jsir. Kull membru tal-Bord għandu jinħatar minħabba li huwa kapaċi għar-responsabbilta li ser jidħol għaliha. Hekk forsi jkun hemm inqas membri suxxettibbli għal pressjoni politika u jkun hemm inqas ċans li l–proġetti ppresentati mill-Gvern jingħataw trattament preferenzjali.

Il-ħames : min għandu jkollu l-aħħar kelma fil-ħatriet ? Il-prassi sal-lum kienet li l-aħħar kelma kienet tal-Gvern permezz tal-Prim Ministru li jaġixxi fuq parir tal-Ministru responsabbli għall-Ambjent. Waqt il-kampanja elettorali li għada kif spiċċat l-Alternattiva Demokratika pproponiet li jkun involut il-Parlament fil-ħatriet ewlenin u dan permezz ta’ Kumitat Magħżul li jeżamina dawn il-ħatriet waqt smiegħ pubbliku. Sal-lum ma smajt l-ebda kritika ta’ din il-proposta. L-involviment tal-Parlament biex jiġu kkonfermati l-ħatriet tkun tfisser skrutinju pubbliku tagħhom. Dan  jirrinforza iktar serjeta’ fil-proċess.

 

(ikompli)

 

Ir-Riforma tal-MEPA : (2) Separazzjoni ?

L-integrazzjoni tal-ambjent u l-ippjanar fl-użu tal-art f’awtorita’ waħda għalkemm saret b’intenzjoni tajba ma rnexxietx bil-mod kif saret. Dan għaliex id-Direttorat tal-Ambjent imneżża’ minn staff imħarreġ biżżejjed u mingħajr l-esperjenzi akkumulati fid-Direttorat tal-Ippjanar spiċċa ta’ importanza sekondarja. Tant illi apparti r-riżenji kontinwi tal-aħjar elementi mid-Direttorat tal-Ambjent beda movement ta’ impjegati mill-qasam tal-Ippjanar lejn dak tal-Ambjent biex jimtlew postijiet li tbattlu jew li nħolqu. Uħud huma addattati oħrajn le.

Naħseb li l-ewwel deċiżjoni li trid tittieħed fil-proċess ta’ riforma tal-MEPA trid tindirizza din l-issue : għandhom l-ambjent u l-ippjanar jiffurmaw parti mill-istess awtorita ?

Jiena naħseb li għandhom ikunu separati minn xulxin u dan għal raġuni waħda : id-Direttorat għall-Ambjent, fost il-funzjonijiet ewlenin tiegħu huwa meħtieġ li jgħasses kontinwament fuq id-Direttorat tal-Ippjanar, funzjoni li ma tantx irnexxiet. Funzjoni li tista’ issir iktar minn barra milli minn ġewwa awtorita’ waħda, fejn f’każ ta’ konflitt ta’ opinjoni jiddeċiedi min hu l-iżjed b’saħħtu jew influwenti fl-istituzzjoni. U l-influwenza fil-MEPA s’issa, anke in vista tal-ħatriet li saru matul is-snin dejjem kienet favur l-iżvilupp akkost ta’ kollox.

Nifhem li l-argument ta’ min dejjem xtaq awtorita’ waħda huwa n-nuqqas ta’ riżorsi umani u finanzjarji biex imantnu pluralita’ ta’ istituzzjonijiet. Dan jista’ jwassal għal soluzzjoni li tkun fit-triq tan-nofs. Is-soluzzjoni tista’ tinstab fil-komposizzjoni tal-Bord li jmexxi l-MEPA. Imma dwar dan darba oħra.

(ikompli)

Ir-Riforma tal-MEPA : (1) L-ewwel pass

Wasal il-ħin ta’ diskussjoni serja dwar ir-riforma meħtieġa fil-MEPA.

Lil hinn mill-preġudizzji partiġġjani huwa neċessarju li kulħadd jifhem u jaċċetta li l-MEPA qegħda hemm biex taqdi lill-komunita’ kollha u mhux lil xi sezzjoni partikolari tagħha bl-esklużjoni tal-kumplament.

L-effettivita tal-MEPA ma titkejjilx minn kulħadd bl-istess mod. Għalhekk huwa ftit diffiċli li jintlaħaq kunsens wiesa’ ħafna dwar x’għandu jsir.

Il-MEPA fil-fehma tiegħi qegħda hemm biex taġixxi f’isem il-komunita’ kollha biex tassigura li l-mod kif nagħmlu użu mill-art u r-riżorsi naturali tagħna jkun ta’ ġid għal kulħadd. Mhux biss għall-ġenerazzjonijiet tal-lum. Iżda ukoll għall-ġenerazzjonijiet futuri.

L-użu tar-risorsi tal-pajjiż irid isir b’mod sostenibbli. Jiġifieri ma nistgħux naħsbu biss fil-lum. Jeħtieġ li nassiguraw illi dak li jsir illum ma jtellifx lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada milli jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom ukoll.

(ikompli)

Ir-rapport dwar il-Mistra

mistra.jpg

Ir-rapport tal-Audit Officer tal-MEPA dwar il-każ tal-Mistra li l-Prim Ministru ippubblika iktar kmieni llum ma ħasadnix. Bħalu rajt bosta oħrajn.

Huwa posittiv u ta’ inkoraġġiment li l-Prim Ministru aġixxa mill-ewwel billi ppubblika r-rapport kif ukoll billi rrinforza r-rakkomandazzjonijiet tal-Perit Joe Falzon, l-Audit Officer. Li kieku l-predeċessur tiegħu b’responsabbilta politika għall-MEPA mexa l-istess fil-passat ricenti is-sitwazzjoni fil-MEPA illum kienet tkun ħafna aħjar milli hi.

Ir-rapport tal-Audit Officer iżda m’hiex l-aħħar kelma dwar il-każ. Hemm l-investigazzjonijiet tal-pulizija li għad iridu jkunu konklużi. Hemm ukoll ir-rwol tal-Awtorita tat-Turiżmu (MTA) li jrid ikun iċċarat. Għandu jkun issottolineat li l-MTA għandha esperti fil-qasam tal-Ippjanar impjegati tagħha u ma nistax nifhem kif tasal biex ma tagħtix piż xieraq lill-konsiderazzjonijet ambjentali fil-proġetti li tagħti appoġġ.

Il-Kummissjoni li ħarġet il-permess ilha li rriżenjat. Issa naħseb li wasal il-ħin li jirreżenja ukoll min għamel pressjoni fuq membri tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp biex jinħareġ permess illegali (ara hawn).

Taxxi ambjentali

solar_panel_497106_2.jpg

bims06gj_m0007.jpg

Is-summit tal-EU fi tmiem il-ġimgħa l-oħra qabel fost oħrajn li jikkunsidra t-tnaqqis tal-VAT minn minimu ta’ 15% għal minimu ta’ 5% fuq dawk l-oġġetti li jikkawżaw anqas ħsara ambjentali. (ghafas hawn). 

Il-proposti finali huma mistennija fis-sajf li ġej meta l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposti dwar il-VAT li jkun meħtieġ l-approvazzjoni unanima biex dawn jidħlu fis-seħħ.

Wasal iż-żmien li aħna wkoll f’Malta nibdew diskussjoni bis-serjeta’ fuq dan is-suġġett. Fuq l-eko-kontribuzzjoni u kemm din irnexxielha tnaqqas l-impatti ambjentali. Fuq it-taxxa dwar ir-registrazzjoni tal-karozzi u kif din tista’ tkun sostitwita b’taxxa alternattiva li jirnexxielha tinkuraġixxi l-użu tat-trasport pubbliku. Biex dan iseħħ jeħtieġ transport pubbliku effiċjenti li jservi lil kull rokna ta’ Malta.

Din hi materja li dwarha m’għandux ikun hemm differenzi partiġġjani. Għalkemm huwa ovvju li hemm differenzi kif il-politika tal-partiti differenti tħares lejn ir-rwol ta’ miżuri fiskali biex jitjieb l-ambjent tagħna naħseb li lkoll aħna motivati mix-xewqa li ntejbu l-affarijiet.

KONSULTAZZJONI – Agħti l-opinjoni tiegħek

adsmall.gif

L-Eżekuttiv ta’ Alternattiva Demokratika – The Green Party iddeċieda li jaħtar kummissjoni biex teżamina r-riżultat li kisbet l-AD fl-elezzjoni ġenerali tal-ġimgħa l-oħra. Il-kummissjoni hi mistennija li teżamina l-ħidma u l-mod kif tiffunzjona l-AD u tipproponi tibdil u titjib fejn jirriżulta meħtieġ. Dan in vista ta’ l-isfidi elettorali li jmiss.

Tista’ tibgħat is-sottomissjonijiet tiegħek bl-email: alternattiva2008@yahoogroups.com 

Il-Kummissjoni ser tkun komposta kif ġej :

Il-Perit Carmel Cacopardo (Rapporteur)

Is-Sur Kurt Sansone, gurnalist

Dr. Claire Bonello, Avukat.

Id-Diżastru fin-Naxxar

 

 

274541.jpg

 

Fil-blog tiegħu, il-ġurnalista John Pisani (http://johnpisani.wordpress.com/) jgħid li għandu informazzjoni li dan ix-xogħol illegali kien ilu jsir fi Triq Ħal-Dgħejf in-Naxxar għal madwar 16-il sena !

Min kien qiegħed jixtri dan ix-xogħol ta’ murtali li kien qiegħed isir fl-abitat ? Għandu jerfa’ r-responsabbilta’ ta’ dak li ġara ?

 Nistennew u naraw x’ser jirriżulta. 

 

Il-voti ta’ Harry fuq l-X Distrett

vassalloh.jpg

 

Fuq l-X Distrett (jiġifieri d-Distrett ta’ Tas-Sliema) Harry Vassallo kiseb 524 vot fl-ewwel għadd li żdiedu b’101 vot ieħor sat-12 il-għadd.

 

Dawn il-voti kisibhom hekk :

  • fit-tieni għadd kiseb 7 voti meta ġew eliminati Anthony Bartolo (AN) u James S. Cauchi (indipendenti),
  • fit-tielet għadd kiseb 6 voti meta ġie eliminat Franco Galea (PN),
  • fir-raba’ għadd kiseb 27 vot meta ġie eliminat Philip Beattie (AN),
  • fil-ħames għadd kiseb 7 voti meta ġie eliminat Donald C. Felice (PN),
  • fis-sitt għadd kiseb vot wieħed  meta ġie eliminat Joe Falzon (PN),
  • fis-seba’ għadd kiseb vot wieħed meta ġie eliminat Gino Cauchi (MLP),
  • fit-tmien għadd kiseb 9 voti meta ġie eliminat Christian P.Bonett (MLP),
  • fid-disa’ għadd  kiseb 8 voti meta ġie eliminat Paul Borg Olivier (PN),
  • fl-għaxar għadd kiseb 13-il vot meta ġie eliminat Pippo Psaila (PN),
  • fil-ħdax-il għadd kiseb 16-il vot meta ġie eliminat Martin Debono (MLP),
  • fit-tnax-il għadd kiseb 6 voti meta ġie eliminat Leo Brincat (MLP).

  

Harry ġie eliminat fit-13-il-għadd u f’dak il-ħin il-voti kollha li kellu (625) tqassmu kif ġej :

  • 163 vot marru għand kandidati tal-MLP (109 għand Evarist Bartolo, 17 għand Joe Cuschieri, 32 għand Michael Falzon u 5 għand Adrian Vassallo),
  • 270 vot marru għand kandidati tal-PN (59 għand Robert Arrigo, 60 għand Dolores Cristina, 30 għand John Dalli, 34 għand Michael Frendo, 28 għand Karl Gouder, 28 għand George Pullicino u 31 għand Francis Zammit Dimech),
  • 192 vot intilfu għax ma kienux trasferibbli.

 

Jiġifieri meta ġie eliminat Harry, 26% tal-voti marru għand l-MLP, 43% marru għand il-PN u l-bqija (31%) ma riedu jafu b’ħadd iktar wara li vvutaw lilu !

 

Insomma iddeċidew il-votanti fejn marru l-voti tagħhom !

Lejn Proporzjonalita stretta

eucanak99ccaqbhdgpca4hkpx1caxcxm0ncaksu0oecat8onorca9gwql2cap1twfqcaef7mr1caou2xawcagi7q03ca5cqq3ecasw81i0caxl0xk3cahqyrhbca71s2e9caugwf2kcajmyuej.jpg

 

 

Wara r-riżultat ta’ l-aħħar elezzjoni ġenerali li saret il-ġimgħa l-oħra reġa’ beda jingħad li hemm ħtieġa ta’ riforma elettorali.

Għaliex ?

Għax kien hemm il-periklu li min ikollu l-inqas voti jmexxi l-Gvern. Tafu għaliex inħoloq dan il-periklu ? Għax meta saru l-aħħar emendi kostituzzjonali dwar il-proċess elettorali kemm il-PN kif ukoll l-MLP kienu moħħhom biss fihom infushom. Ma qagħdux attenti biex jasiguraw illi l-vot ta’ kulħadd ikollu l-istess piż.

Fil-fatt ftehmu kif “huma” jkunu assigurati li l-voti li jkollhom ikunu riflessi fir-rappreżentanza parlamentari tagħhom. Imma l-ftehim illimitawh biss għal meta jkun hemm żewġ partiti fl-Parlament. Jiġifieri għalihom biss.

Injoraw kull ċirkustanza oħra. Bħala riżultat ta’ dan it-3810 vot li kisbet l-Alternattiva Demokratika (kwota sħiħa mifruxa ma Malta kollha) m’humiex rappreżentati fil-Parlament.

Riżultat ġust u demokratiku f’din l-elezzjoni kien jagħti 34 siġġu lill-PN, 34 siġġu lill-MLP u siġġu wieħed lill-Alternattiva Demokratika.  Jiġifieri waħda mill-4 co-options li saru kellha tkun favur l-Alternattiva Demokratika mhux favur il-PN : kellu jkun co-opted Harry Vassallo flok Francis Zammit Dimech ! B’hekk il-kwota sħiħa tal-Alternattiva Demokratika kienet tkun rapprezentata fil-Parlament ukoll. Kull vot kien ikollu valur.

Li dan ma sarx huwa minħabba l-emendi li saru fi tmiem is-sena l-oħra bl-approvazzjoni kemm tal-PN kif ukoll tal-MLP. L-emendu kostituzzjonali kellhom approvazzjoni unanima u allura kemm l-PN kif ukoll l-MLP jridu jerfgħu l-piż politiku għalihom. Ħadd ma jista’ jwaħħal f’ħadd.

Hemm bżonn li r-riżultat elettorali jkun wieħed rifless fi proporzjonalita stretta fil-Parlament. B’hekk biss jista’ jkun hemm riżultat ġust.

 

 

Il-MEPA

mepa1.jpg

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni ħareġ dan l-avviż.  

AVVIŻ LILL-PUBBLIKU DWAR APPLIKAZZJONIJIET GĦAL ŻVILUPP  

Il-pubbliku huwa mgħarraf li l-laqgħat fil-pubbliku tal-Bord ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, u tal-Kummissjonijiet għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp huma kollha sospiżi sakemm joħroġ avviż ieħor. Dan jgħodd ukoll għas-seduti tal-Bord dwar l-Appelli dwar l-Ippjanar. Dan ifisser li, sakemm jinħareġ avviż ieħor, ma huma se jittieħdu l-ebda deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal żvilupp.   

Dr Godwin Grima

Segretarju Permanenti Ewlieni

DOI – 12.03.2008  

Dan l-avviż ma jispjegax għaliex.

Il-pubbliku kien jixraqlu ftit iktar informazzjoni minn hekk.

Fil-fatt L-Orizzont tal-lum ħasbet hekk ukoll.  Il-gażżetti l-oħra ma ġiethomx il-kurżita’ dwar x’ġara. L-Orizzont f’artiklu ta’ Charmaine Craus intitolat Sospiżi l-Bordijiet kollha tal-MEPA tirrapporta li skond il-prattika normali dawn il-Bordijiet kollha issottomettew ir-riżenja tagħhom. Jidher li r-riżenja ġiet aċċettata.